Il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2) qed ikompli javvanza b’mod sinifikanti fis-Substation ta’ Ragusa, fi Sqallija, u b’hekk qed jintlaħaq tragward importanti ieħor fit-twettiq ta’ infrastruttura strateġika tal-enerġija għal Malta.
Waqt li IC1 kien mitfi fil-ġimgħat li għaddew, tlestew it-trinek għall-cables li jgħaqqdu l-hybrid switchgear il-ġdid mar-reattur ta’ 220 kV, flimkien mal-modifika u l-installazzjoni tal-infrastruttura ta’ vultaġġ għoli. Wara li l-IC1 reġa’ ddaħħal fis-servizz, Terna Energy Solutions kompliet bl-immuntar u l-installazzjoni tal-air-insulated switchgear il-ġdid tal-IC2. Dan ippermetta li jkomplu għaddejjin attivitajiet kritiċi tal-proġett filwaqt li l-interconnector eżistenti baqa’ operattiv.
Billi dawn ix-xogħlijiet preparatorji tlestew fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-proġett issa qed jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-integrazzjoni elettrika. Din se tinvolvi l-konnessjoni tar-reattur il-ġdid ta’ 220 kV mal-hybrid switchgear permezz ta’ cables ta’ vultaġġ għoli li se jitqiegħdu fit-trinek li tlestew waqt li IC1 kien mitfi.
Ix-xogħlijiet ippjanati għall-jiem li ġejjin se jinvolvu l-użu ta’ makkinarju tqil tal-kostruzzjoni, kif ukoll tagħmir speċjalizzat għall-irfigħ u għall-ġbid tal-cables, fit-Terminal Station. Biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-infrastruttura eżistenti, se jkunu meħtieġa miżuri operattivi temporanji. Għaldaqstant, l-IC1 ser jerġa’ jintefa għal madwar tmint ijiem, mis-27 ta’ Ottubru.
Dawn ix-xogħlijiet jirrappreżentaw pass importanti ieħor fl-integrazzjoni teknika tat-tieni interconnector fit-Terminal Station ta’ Ragusa ta’ Enemalta. Enemalta qed tikkoordina mill-qrib ma’ Interconnect Malta, Terna Energy Solutions u l-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Italja sabiex tiżgura li x-xogħlijiet ippjanati jitwettqu b’mod sigur u effiċjenti. Sakemm IC1 ser ikun mitfi, il-ħtiġijiet tal-elettriku ta’ Malta ser jibqgħu koperti mill-ġenerazzjoni lokali, bl-arranġamenti operattivi meħtieġa jkunu fis-seħħ matul ix-xogħlijiet kollha.
“Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fit-Terminal Station ta’ Ragusa ta’ Enemalta jimmarkaw fażi importanti oħra fit-twettiq tat-tieni interconnector. Din il-fażi teħtieġ it-tifi temporanju tal-IC1 sabiex ix-xogħlijiet speċjalizzati jkunu jistgħu jsiru b’mod sigur fit-Terminal Station. Enemalta ħadet il-miżuri operattivi meħtieġa sabiex il-ħtiġijiet tal-elettriku tal-pajjiż ikunu jistgħu jiġu koperti mill-ġenerazzjoni lokali matul sakemm ikun għaddejjin dawn ix-xogħlijiet. Proġetti bħat-tieni interconnector, flimkien mal-programm usa’ ta’ investiment ta’ Enemalta, inklużi ċ-ċentri ġodda tad-distribuzzjoni li ġew inawgurati l-ġimgħa li għaddiet, juru l-impenn kontinwu tagħna biex insaħħu l-infrastruttura tal-elettriku ta’ Malta u nipprovdu netwerk aktar reżiljenti u affidabbli għal Malta u Għawdex,” qal l-Inġinier Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta.
L-Inġinier Steve Farrugia, Direttur Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, żied: “Il-progress li nkiseb f’Ragusa jirrifletti l-ippjanar estensiv, il-koordinazzjoni u l-kompetenza teknika meħtieġa biex jitwettaq proġett infrastrutturali strateġiku ta’ dan id-daqs. It-tlestija tax-xogħlijiet preparatorji u l-installazzjoni tat-tagħmir ewlieni ifisser illi issa ser ngħaddu għall-fażi li jmiss tal-integrazzjoni elettrika, u b’hekk il-proġett jagħmel pass ieħor lejn it-tlestija. Nirringrazzjaw lil min hu involut inkluż il-kuntratturi, l-Inġiniera u l-kollegi tagħna għax l-impenn u l-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom qed jagħmlu dan il-progress possibbli.”
Wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-attivitajiet ta’ installazzjoni, integrazzjoni u ttestjar se jkomplu fit-Terminal Station. Eventwalment dan ser iwassal sabiex il-proġett jgħaddi sabiex ikun ikkommissjonat aktar tard is-sena d-dieħla.
L-IC2 jagħmel parti mill-viżjoni fit-tul tal-Gvern għall-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta. Il-proġett se jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-pajjiż, filwaqt li jippermetti integrazzjoni akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), u b’hekk jappoġġja l-isforzi ta’ Malta biex tibni sistema tal-enerġija aktar reżiljenti, sostenibbli u mħejjija għall-ħtiġijiet tal-futur.
