Il-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija miexi bir-ritmu kif mistenni fuq iż-żewġ naħat. F’Ragusa, ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat tant li qed isir xogħol ta’ tħaffir u tqegħid ta’ cables.

Fil-jiem li għaddew, il-ġurnalisti kien mistiedna f’Ragusa biex jaraw il-livell tax-xogħol fuq dan il-proġett li se jiġi jiswa mat-€300 miljun, b’€165 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi wkoll kienu preżenti biex jaraw l-andament tax-xogħlijiet li għaddejjin fi Sqallija.
Fl-istazzjon tat-Terminal ta’ Ragusa, id-delegazzjoni żaret is-sit fejn se jiġu installati shunt reactor u transformer ġdid, fost oħrajn. Dan kollu filwaqt li għaddejja l-manifattura tal-cables ta’ fuq l-art u taħt il-baħar. Il-kostruzzjoni ta’ culvert fit-Terminal tal-Magħtab hija lesta.

Fil-kummenti tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li “t-tieni interconnector jifforma parti ċentrali mill-istrateġija tagħna tal-enerġija fit-tul, maħsuba biex tappoġġja futur ta’ enerġija aktar nadifa. Il-proġett se jtejjeb u jżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli minn sorsi lokali, inkluż il-proġett tal-offshore floating windfarm. Proġett li se jgħinna mmexxu ’l quddiem il-miri tad-dekarbonizzazzjoni ta’ Malta. Dawn il-proġetti jwittu t-triq biex nilħqu l-miri tagħna għall-2050, filwaqt li jiżguraw li l-familji u n-negozji Maltin ikomplu jibbenefikaw minn sistema tal-enerġija stabbli, aktar nadifa u aktar effiċjenti.”
Analiżi tal-proġett turi kif se jitnaqqsu 13.5 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2, u b’hekk dan il-proġett iżid mal-importanza tiegħu fl-istrateġija fit-tul ta’ Malta għall-dekarbonizzazzjoni.

It-tieni interconnector qed jikkontribwixxi b’mod attiv għall-istrateġija nazzjonali tal-enerġija, bil-għan li d-diversifikazzjoni tas-sorsi timxi lejn soluzzjonijiet aktar nodfa, bħall-iżvilupp ta’ wind farm ta’ 300MW fuq il-baħar u sistemi ta’ ħażna tal-enerġija b’batteriji (BESS), li huma essenzjali għat-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa u stabbiltà fit-tul.
“Il-pjan strateġiku tagħna huwa ambizzjuż. Jinkludi aktar investiment u inizjattivi mmexxija minn proġetti b’viżjoni ’l quddiem: titjib fl-infrastruttura biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni, proġetti bħalma hu dan li jiffukaw fuq il-provvista, inċentivi biex il-familji Maltin jadottaw enerġija nadifa u żvilupp ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli fuq skala kbira,” tenniet il-Ministru Dalli filwaqt li rrimarkat kif il-proġett tat-tieni interconnector juri wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni Ewropea fis-settur tal-enerġija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-importanza tat-tieni interconnector bħala l-akbar operazzjoni ta’ Malta ffinanzjata mill-ERDF, li saret possibbli permezz ta’ appoġġ sostanzjali mill-Unjoni Ewropea. Huwa enfasizza d-determinazzjoni tal-gvern li jwettaq proġetti li darba dehru li ma setgħux jintlaħqu, u li llum huma parti mill-isforzi ta’ sostenibbiltà taħt il-Viżjoni ta’ Malta 2050.
“Dan l-interconnector mhuwiex biss dwar l-infrastruttura imma huwa dwar li niggarantixxu futur ta’ enerġija sigur, reżiljenti u sostenibbli għar-residenti tagħna. Flimkien mas-sħab Ewropej, qed nagħmlu din il-viżjoni realtà,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Iċ-chairman ta’ Interconnect Malta, Godwin Agius, qal: “It-tieni interconnector huwa mibni fuq teknoloġija avvanzata, li se jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa. Dan il-proġett se jressaqna aktar lejn l-għanijiet nazzjonali tal-klima u lejn il-viżjoni tal-gvern li kollna ekonomija ħielsa mill-karbonju sal-2050 – kisba li fl-aħħar mill-aħħar se tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
It-tieni interconnector, kofinanzjat mill-Programm tal-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali (ERDF) 2021–2027, huwa cable ta’ ‘alternate current’ ta’ vultaġġ għoli b’tul ta’ 122 kilometru, b’kapaċità ta’ 225 MW. Dan jinkludi 99 kilometru ta’ cable taħt il-baħar.
Dan il-proġett kapitali se jirdoppja l-kapaċità ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew.