L-eks preżenatur tal-programm ferm popolari Amerikan, “Tonight Show” Jay Leno, spiċċa jittieħed b’emerġenza fi sptar f’Los Angeles wara li waħda mill-karozzi lussużi tiegħu qabdet f’daqqa. L-inċident li kkawża ħruq serju f’wiċċ u idejn Leno, seħħ proprju fil-garaxx tiegħu fejn huwa rrapportat li għandu kollezzjoni kbira ta’ karozzi ta’ kull tip.
Impjegat ta’ dan il-komiku li jħobb ħafna l-karozzi b’mod speċjali dawk klassiċi, ikkonferma dan l-inċident. Il-midja lokali qalet li f’dan l-inċident, fortunatament, għajnejn u widejn Leno ma ġewx affettwati u li dan ittieħed f’sezzjoni apposta fi “Grossman Burn Center” għall-kura meħtieġa.
Wara l-inċident, dan l-istilla tat-televiżjoni Amerikana ma setax jattendi għal konferenza finanzjarja f’Las Vegas li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Fi stqarrija li ħarġu l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment ingħad li l-qraba ta’ Leno ma setgħux jagħtu ħafna dettalji dwar il-kundizzjoni tiegħu għajr li kellu emerġenza medika serja li ma tippermettilux li jivjaġġa. Fil-fatt, tħabbar ukoll li Leno se jkun wieqaf mill-impenji tiegħu għal madwar ġimgħa jew ġimgħatejn bil-għan li jilħaq jirkupra sew.
L-eks preżentatur li llum għandu 72 sena qal li, “għandi ħruq pjuttost serju kkawżat min-nar li qabad f’daqqa iżda, ninsab tajjeb”. Il-kelliema taċ-ċentru fejn jinsab rikoverat Leno, Aimee Bennett, qalet li huwa sinċerament apprezza l-messaġġi ta’ kuraġġ għal rkupru ta’ malajr li rċieva minn ħafna nies li saru jafu li weġġa’.
Minkejja l-età pjuttost avvanzata tiegħu, Jay Leno huwa rrapportat li għadu b’saħħtu ħafna u l-inċident li kien involut fih mhuwiex ta’ periklu għal ħajtu. Għaldaqstant, minkejja li sofra ħruq serju, huwa mistenni li jirkupra fi żmien qasir. Però, anke minn dak li kkonferma Jay Leno stess, issa huwa importanti li jistrieħ.