Tuesday, May 14, 2024

L-Aġenzija Project Green responsabbli mit-tfassil ta’ spazji miftuħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret fil-Parlament li l-Aġenzija Project Green se tkun responsabbli mit-tfassil, ippjanar u twettieq ta’ proġetti ta’ tħaddir fl-urban. Dan kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, fejn se jkunu qed jiġu investiti €700 miljun f’seba’ snin għal spazji ħodor ġodda madwar il-pajjiż.

Il-Ministru Dalli ħabbret dan waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji għall-Ministeru li tiegħu hija responsabbli. Hija qalet li din l-aġenzija li se titwaqqaf fiż-żmien li ġej se tikkollabora ma’ entitajiet oħra tal-Gvern biex tassigura l-implimentazzjoni u l-effettività ta’ dawn l-inizjattivi. 

“Irridu nevitaw ittardjar fix-xogħlijiet. Din l-entità taħseb biex timmassimizza l-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea biex tistimula kwalunkwe investiment privat. Proġetti li jippermettu li jkun hemm dan it-tip ta’ investiment,” qalet il-Ministru Dalli.

Hija kompliet billi rreferiet għall-kritika li saret mill-Oppożizzjoni li skonthom ma jissemma xejn fil-budget dwar it-tibdil fil-klima. “Nibqa’ bla kliem u xxukkjata għax jew ma jafux jew jaqbdu u jfajru l-affarijiet mingħajr ma jiċċekkjaw. Il-miżuri ta’ dan il-Ministeru biss li jikkontribwixxu direttament fil-ħidma kontra t-tibdil fil-klima jammontaw għal madwar €156 miljun.” 

Dwar il-prezzijiet tal-enerġija, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern kompla jassisti biex dawn jinżammu stabbli għall-familji u n-negozji. Enfasizzat li: “kieku ħallejna d-dawl, l-ilma, il-fjuwil u l-gass jogħlew skont is-suq internazzjonali, kieku l-inflazzjoni f’pajjiżna kienet tkun id-doppju ta’ li hi llum. Kieku familja ta’ erbgħa kienet tispiċċa b’tal-inqas €2,000 inqas fil-but kull sena.”

“F’Malta l-prezz tad-dawl illum huwa 25% orħos mill-2012. Madwar l-Ewropa, il-familji qed iħallsu kontijiet tad-dawl li huma 75% għolja minn dak li kienu jħallsu fl-2013,” kompliet tispjega l-Ministru. 

Tenniet li dan il-Gvern kompla jassisti lin-negozji Maltin filwaqt li ssoktat il-ħidma biex ikunu attirat aktar investiment dirett barrani. Semmiet kif sa issa din is-sena ġew approvati 72 proġett Malti b’investiment kapitali ta’ €53 miljun u 26 proġett ieħor ta’ investiment dirett barrani b’investiment ta’ €104 miljun.

Il-Ministru Dalli fakkret ukoll kif is-sena li għaddiet, il-Malta Enterprise approvat 29 investiment barrani ġdid. Ma’ dawn, disa’ proġetti ta’ espansjoni ta’ kumpaniji li diġà jinsabu f’pajjiżna. 

Dwar l-istart ups, hija qalet li s-sena li għaddiet, ġew assistiti 35 proġett b’investiment ta’ €22 miljun. Qalet ukoll li l-Gvern se jkun qed jinvesti fit-tieni interconnector għax “irridu li jkollna infrastruttura b’saħħitha biex inżidu aktar enerġija mir-rinovabbli anke permezz ta’ proġetti offshore.”

Finalment hija qalet li “l-viżjoni tagħna hija ċara. Irridu ekonomija li ma tniġġiżx u se nkomplu ninċentivaw dawk l-investimenti li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna.”

Sport