Illum, għall-ħabta tat-8:00 a.m., il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-akwati tal-Bidnija. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li aktar kmieni kienet seħħet ħabta bejn mutur u karozza, fejn ħadd ma kien weġġa’.
Jidher li sussegwentement, waqt li kien hemm l-Uffiċjali tal-LESA biex jagħmlu r-rapport, qam argument bejn iż-żewġ xufiera u x-xufier tal-mutur allegatament ħareġ arma tan-nar u spara xi tiri lejn ix-xufier l-ieħor.
Il-vittma rikeb fil-vettura u pprova jsuq lejn l-isptar, però xħin wasal Burmarrad ċempel għal lambulanza. Sfortuntament, il-vittma, raġel ta’ 53 sena residenti l-Bidnija, ġie ċċertifikat mejjet ftit wara li wasal l-isptar, filwaqt li l-allegat aggressur, raġel ta’ 46 sena u jgħix il-Bidnija wkoll, ġie arrestat fuq il-post.
Il-Pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għall-arma li ntużat waqt dan il-każ, filwaqt li l-Maġistrat Dr Ian Farruġia LL.D ġie infurmat u ħatar inkjesta.