Sunday, November 24, 2024

Jeħel erba’ snin u nofs ħabs wara li ammetta li wettaq tliet serqiet f’Birkirkara

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena mill-Ħamrun ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li wieġeb li hu ħati ta’ tliet serqiet minn żewġ iħwienet f’Birkirkara.

Jeremy Farrugia ġie mixli li wettaq tlett serqiet, waħda fil-15 ta’ Frar minn ħanut fi Triq tal-Ħerba f’Birkirkara, it-tieni waħda seħħet fit-22 ta’ Frar minn ħanut fi Triq Ġużè Orlando fl-istess lokalità, filwaqt li l-iktar waħda riċenti kienet dik tat-23 ta’ Frar li seħħet minn ħanut fi Triq Santa Liena.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella huwa wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti xehdet li l-Pulizija għamlet l-investigazzjonijiet tagħha rigward dan il-każ. Intqal li permezz tax-xhieda kif ukoll ta’ filmati tas-CCTV, irnexxielhom jinnutaw fatturi komuni – fosthom it-tpinġija, il-ħwejjeġ li kien liebes u s-sikkina – li wassluhom għal Jeremy. Il-Qorti semgħet ukoll kif saħansitra f’waħda mis-serqiet li għamel l-imputat deher wiċċu f’filmat tas-CCTV u lbieraħ ġie arrestat fir-residenza tal-qraba tiegħu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, sabet lil Jeremy ħati u kkundannatu għal piena ta’ erba’ snin u nofs priġunerija u ordni ta’ kura mid-droga għal tliet snin.

Sport