Tuesday, May 14, 2024

Jeħel erba’ xhur ħabs talli seraq u biegħ teleskopju

Aqra wkoll

Raġel ta’ 47 sena kien ikkundannat erba’ xhur ħabs wara li ammetta li seraq teleskopju minn ħanut fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ fid-19 ta’ Ġunju li għadda, meta Darren Psaila seraq teleskopju minn ħanut fi Triq il-Kbira San Ġużepp, liema oġġett ma jaqbiżx il-valur ta’ €232.94.

Huwa kien akkużat ukoll li għex ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ. Barra minn hekk irriżulta li ma kellux residenza fissa u li ftit minuti wara li wettaq is-serqa sab il-bejgħ għall-oġġett misruq.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, qalet li ma tistax tinjora l-passat tal-imputat illi skont il-fedina penali tiegħu jirriżulta li l-istess imputat ilu jingħata diversi opportunitajiet sabiex jirranġa ħajtu u ma jibqax ta’ periklu għas-soċjetà.

Però, dawn l-opportunitajiet sfortunatament sfaxxaw fix-xejn, bil-passat kriminali ta’ Psaila jibda mill-1992. Sal-2007 kien diġà nstab ħati ta’ diversi reati li wettaq f’ħames okkażjonijiet separati u li dejjem ingħata xi forma ta’ piena monetarja biss.

Għaldaqstant, dan l-aħħar reat min-naħa tal-imputat serva ta’ prova ċara li għal darb’oħra wera nuqqas ta’ ħsieb u xewqa li jirriforma ruħu, u għalhekk il-Qorti ddeċidiet li l-piena tkun imnissla aktar fuq l-element punititv.

Parti mill-piena kienet tirrikjedi wkoll li Psaila jħallas is-somma ta’ €105.50 lil sid il-ħanut għall-oġġett li seraqlu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella.

Sport