Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ sena ħabs li ngħata Carmel Mallia ta’ 48 sena minn Birkirkara wara li kien instab ħati li sawwat lil martu wara li waslu lura d-dar mill-każin. Il-każ seħħ f’Settembru tal-2019, għall-ħabta ta’ bejn l-10.00 p.m. u l-11.20 p.m.
Fi Frar tal-2020, huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kien ikkundannat 12-il xahar priġunerija, iżda mbagħad appella mis-sentenza.
Ir-raġel kien ilmenta li qabel tat is-sentenza tagħha, l-Ewwel Qorti kienet influwenzata minn nota oħar li resssqet martu u li fiha qalet li huwa kien tressaq fil-Qorti fuq każ ieħor ta’ vjolenza domestika.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti qalet li r-raġel kien infurmat bin-nota u kellu ċ-ċans iressaq l-argumenti tiegħu, iżda huwa naqas milli jagħmel dan.
Il-Qorti semgħet lill-parte civile li ddikjarat li għadha mbeżża’ mill-imputat u li għamlet rapporti oħra dwar ufil-passat u ratu wkoll fil-viċinanzi ta’ fejn tirrisjedi anke jekk huwa projbit milli jkun ġewwa Birkirkara.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti.