Wednesday, March 27, 2024

“Il-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu tagħna”

Il-President ta’ Malta waqt il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella qal li “bħal xrar żgħar, dawk li jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat għandhom iċ-ċans ikebbsu l-imħabba permezz ta’ azzjonijiet żgħar, iżda li jġibu bidla kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun.” Waqt is-serata tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali għas-Settur tal-Volontarjat, il-President stqarr li huwa ta’ min wieħed jammira d-dedikazzjoni u d-determinazzjoni li bosta individwi u gruppi juru fil-mixja tagħhom lejn soċjetà aktar ħanina, inklussiva, u li verament tirrifletti pajjiż modern, ġust u ċivilizzat.

“Il-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu tagħna”, qal il-President Vella, waqt li appella biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja lejn Malta aktar ġusta u ħanina. “Mis-settur tas-saħħa u tal-esklużjoni soċjali, għal dak tal- ħarsien tal-ambjent, għaż-żamma tat-tradizzjonijiet reliġjużi u l-festi, il-firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet irreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jkomplu jagħtu stampa ċara ta’ kemm il-qasam tal-volontarjat huwa vast u bżonjuż biex jolqot persuni u miri differenti”, żied jgħid il-President.

Il-President saħaq fuq il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni bejn organizzazzjonijiet volontarji varji. Huwa tassew ħasra, qal il-President, meta tara organizzazzjonijiet volontarji jaħdmu għall-istess għan jitilfu opportunitajiet sempliċiment għax ikunu qed jiġbdu l-ħabel minn kull tarf flok minn tarf wieħed. Għalhekk, appella biex jissaħħaħ id-djalogu bejn inizjattivi altruwistiċi lokali u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ riżorsi jew kampanji li jaħdmu għall-istess għan.

Waqt li feraħ lir-rebbieħa fil-kategoriji varji, il-President innota kif serati bħal din huma mumenti sbieħ fejn bħala poplu mhux biss ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw is-suċċessi altruwistiċi ta’ ħaddieħor, imma nkunu qegħdin kull darba nġeddu l-wegħda tagħna favur soċjetà aktar ħanina.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-volontarjat huwa mibni fuq l-ispirazzjoni tal- voluntiera li ta’ kuljum jiddedikaw ħajjithom għall-benefiċċju tan-nies jew għal xi kawża ġusta. Hi qalet li kull voluntier, nominat u rebbieħ, huwa ta’ ispirazzjoni għal persuni ta’ kull età biex ikunu mħeġġa jipparteċipaw u jagħtu l-kontribut tagħhom biex is-soċjetà Maltija ta’ għada tkun aħjar minn dik tal-lum.

Ir-rebbieħa huma:

  • Voluntier tas-Sena: Corinne Farrugia – RMJ Horse Rescue
  • Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena: Tatiana Muscat – Multiple Sclerosis Society Malta Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena: RMJ Horse Rescue
  • Kumpanija li tassisti lis-Settur Volontarju: HSBC Malta p.l.c.
  • Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat: Matthew Farrugia – Home Away from Home
  • Premju Speċjali għal ħidma volontarja minn individwu fil-komunità – Patri Dijonisju Mintoff – Laboratorju tal- Paċi
Ekonomija

Sport