Thursday, April 25, 2024

Is-sena l-oħra pajjiżna ġġenera 316,603 tunnellati ta’ skart

Aqra wkoll

Matul is-sena l-oħra, pajjiżna ġġenera mhux inqas minn 316,603 tunnellata ta’ skart munċipali. Dan l-ammont jindika tnaqqis ta’ 14,539 tunnellata jew 4.4% fuq dak iġġenerat fis-sena 2020. It-tnaqqis ewlieni f’termini assoluti kien irreġistrat għal skart goff, bijoskart minn kċejjen u stabbilimenti tal-ikel u ippakkjar imħallat. 

Dan it-tnaqqis kien parzjalment ikkumpensat minn żidiet f’kategoriji oħra ta’ skart, li l-akbar wieħed minnhom kien skart muniċipali imħallat li ammonta għal 1,916 tunnellata.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali skont is-sors tal-ġbir turi li kien irreġistrat tnaqqis fil-kategoriji kollha ħlief għas-siti għal affarijiet tad-dar, u l-ġbir tal-borża sewda minn sorsi oħra, fejn l-ammonti tal-iskart żdiedu b’272 tunnellata u 10,656 tunnellata, rispettivament. 

L-akbar tnaqqis kien fil-kategorija għall-ġbir ta’ skart ieħor, mill-ġbir ta’ borża sewda mill-kunsilli lokali u l-ġbir ta’ skart organiku. Iċ-ċifri għall-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali fl-2021 kemm mill-popolazzjoni nazzjonali kif ukoll mill-popolazzjoni ekwivalenti turistika netta, jirriżultaw fi tnaqqis ta’; 6.3% għal livell ta’ 590 kilogramma ras għal ras.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ppubblika dawn id-dettalji jingħad li fl-istess tnax-il xahar tal-2021, l-ammont totali ta skart muniċipali trattat żdied b’14,712 tunnellata jew 4.7% fuq dak irreġistrat fl-2020, u laħaq 324,571 tunnellata. 

L-iskart ntrema fil-miżbliet kien ta’ 82.9%, li naqas minn 88.3% reġistrat fis-sena ta’ qabel. F’termini assoluti, l-iskart muniċipali mormi fil-miżbliet naqas b’4,562 tunnellata, bil-kontributuri ewlenin għal dan it-tnaqqis ikunu skart muniċipali imħallat, skart goff u skart tal-injam. 

B’kuntrast, ir-rimi ta’ skart fil-miżbliet li rriżulta mit-trattament mekkaniku tal-iskart żdied bi 33,716 tunnellata.

Meta mqabbel mal-2020, l-iskart muniċipali li ġie riċiklat żdied b’6,572 tunnellata jew 18.2% u laħaq total ta’ 42,627 tunnellata. Il-karta u l-kartun kienu l-aktar materjal riċiklat b’51.3% tal-iskart totali riċiklat. 

L-aktar żidiet sinifikanti fir-riċiklaġġ kienu għal metalli, ħwejjeġ u tessuti u plastik. Min-naħa l-oħra, ir-riċiklaġġ tal-ħġieġ u l-bijoskart mill-kċejjen u l-canteens naqas b’7.7 u 3.6% rispettivament. Fl-2021, 12,742 tunnellata ta’ skart muniċipali kienu trattati għal skop tal-enerġija

Sport