Sunday, December 22, 2024

“Jeħtieġ inbigħu lil pajjiżna għall-esperjenza li joffri”

… l-MTA tospita bejn 600 u 800 ġurnalist fis-sena li jippromwovu lil pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jeħtieġ li nbigħu lil pajjiżna mhux fuq il-prezz iżda għall-esperjenza u l-kwalità li joffri. L-istrateġija għax-xhur li ġejjin se tkun li nibqgħu nenfasizzaw dak li hu tajjeb, nibqgħu ngħinu biex il-prodott jitjieb kemm fuq l-ambitu micro u macro, u fuq kollox ngħollu l-profil tal-pajjiż billi nagħtu esperjenza aħjar biex kemm jista’ jkun nagħtu lura aktar minn dak li nwegħdu”, Iddikjara dan ma’ talk.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-turiżmu Carlo Micallef meta mistoqsi dwar kemm jemmen li għajnuna fiskali tista’ tgħin biex insaħħu s-settur turistiku ta’ pajjiżna. 

Micallef qalilna li għalkemm pajjiżna addatta għall-istrateġija ta’ pajjiżi ferm ikbar minn tagħna u fi żmien fejn kulħadd kien qiegħed jibża’ jivjaġġa kellu l-inċentivi fiskali tiegħu wkoll, issa pajjiżna għandu jiffoka li jbigħ lilu nnifsu għall-esperjenza li kapaċi joffri.

Staqsejnieh rigward l-importanza tar-reklamar diġitali, Micallef qalilna li waqt il-pandemija r-reklamar online sploda u għalhekk pajjiżna kellu jimxi mal-kurrent u wasal biex illum jinvesti 70 fil-mija tal-fondi ta’ reklamar fid-diġitali. Huwa qalilna li llum pajjiżna għandu spazju ta’ viżibbiltà diġitali ta’ ftit sekondi li bihom tkun qiegħed tolqot miljuni ta’ turisti f’daqqa.

“Barra minn hekk bħala MTA nospitaw madwar 600 sa 800 ġurnalist fis-sena li jippreparaw artikli wara li jżuru pajjiżna fuq diversi temi fosthom il-gastronomija, sports, storja, kultura, LGBT travel u kulma tista’ timmaġina”, kompla biex jgħidilna Micallef filwaqt li saħaq li llum pajjiżna għandu reklamar fuq kull livell.

“Id-diġitali llum importanti biex taqbad il-ħut malajr u hemmhekk għandek dik li nsejħula azzjoni immedjata fejn b’għafsa ta’ buttuna dak li jkun jibbukkja btala f’pajjiżna. Illum m’għadniex nużaw ritratti imma filmat qasir f’bigscreens fi pjazez kbar li joffru l-viżibbiltà ta’ pajjiżna. Għandna postijiet fejn ikollok l-iscreen kbir li fuqu għaddej ir-reklam ta’ Malta u meta inti għaddej minn hemm, dak il-ħin fuq ir-radju jidħol b’mod awtomatiku li jippromwovi lil Malta fosthom b’titjiriet lejn il-pajjiżna”, kompla Micallef.

Mistoqsi rigward il-bżonn li pajjiżna jerġa’ jattira lill-Malti lejn l-industrija tat-turiżmu biex jintlaħqu l-miri, Micallef qalilna li qegħdin isiru diversi korsijiet u hawn diversi opportunitajiet fejn kemm l-MTA kif ukoll l-ITS u anke il-gvern jagħtu inċentiv biex il-ħaddiem dejjem itejjeb l-għarfien tiegħu u għalhekk jaġġorna ma’ dak li qiegħed jiġi mitlub mit-turist tal-lum li sar jistaqsi fejn l-aħjar li jmur biex jieħu l-aqwa valur għal flusu. “Iżjed kemm ikollna ħaddiema fis-settur infurmati tajjeb u aġġornati iżjed se nkunu nistgħu nxerrdu l-aħjar reklam li huwa dak li jwassal it-turist li jżurna u jirritorna pajjiżu biex jaqsam l-esperjenza tiegħu”, temm jgħid Micallef.

Ekonomija

Sport