Monday, May 13, 2024

Il-PN jikkritika lill-Kummissarju għall-Istandards … il-PL jirreaġixxi

Aqra wkoll

Id-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut, ikkritikaw lil Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għaliex skonthom dan qiegħed jaħsel idu, jagħżel li ma jinvestigax jew taparsi jinvestiga mingħajr ma jidħol fid-dettall.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ntqal li l-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi naqas milli jinvestiga punti ta’ importanza fl-investigazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel l-eks Segretarju Parlamentari Michael Farrugia dwar il-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech ġewwa Kastilja fl-istess ġurnata li bagħat ittra lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex l-Imrieħel jiġi inkluż fil-policy dwar bini għoli. 

L-istqarrija żiedet tgħid li fost l-oħrajn l-Kummissarju naqas milli jibgħat għal xhud importanti kif ukoll naqas milli jitlob kopja tal-minuti. Żiedet tgħid li l-investigazzjoni turi biċ-ċar kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun meta vvutat kontra l-għażla ta’ Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-Partit Laburista rreaġixxa għall-allegazzjonijiet li għamel il-PN u qal li kif kien indika fil-Parlament il-Prim Ministru waqt id-diskussjoni b’rabta ma’ dawn iż-żewġ ħatriet importanti, l-Oppożizzjoni jew tgħaddi tagħha jew inkella tipprova tkisser l-istituzzjonijiet.

Huwa wera l-fehma li meta l-istituzzjonijiet jiddeċiedu kif trid hi l-Oppożizzjoni tikkwotawhom biex tattakka politikament iżda meta l-konklużjonijiet ma jirriżultawx kif tkun qed tistenna tagħmel użu minn tattiċi sabiex issir pressjoni fuq il-persuna li tokkupa l-istituzzjoni biex eventwalment tiddeċiedi kif trid l-Oppożizzjoni.

Il-Partit Laburista qal ukoll li dan huwa mod kif jimxi l-establishment li jmexxi l-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-istituzzjonijiet kollha u saħaq li jesiġi li dawn l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom biss skont il-liġi u mhux skont il-pressjoni tal-establishment.

Sport