Sunday, December 22, 2024

“Jeħtieġ li mmorru pass lura u nżidu l-art agrikola poruża”

Il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi dwar il-problema tal-flash floods u l-possibbiltà li jiżdiedu minħabba t-tibdil fil-klima

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ilmijiet f’daqqa li niżlu fl-aħħar jiem f’pajjiżna magħrufin aħjar bħala flash floods ħolqu problemi kemm għas-settur agrikolu kif ukoll għall-pajjiż inġenerali. It-tibdil fil-klima huwa fattur li qiegħed hemm u li ftit li xejn se jgħin biex din is-sitwazzjoni titjieb. Mhux talli hekk talli minħabba dan il-fenomenu tat-tibdil fil-klima, il-probabbiltà hija li dawn il-flash floods mistennija jiżdiedu fix-xhur u snin li ġejjin. 

Dan is-sit tkellem mal-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg fejn beda biex jgħidilna dwar is-sitwazzjoni inkwetanti li ma jgħidhiex hu biss, iżda qiegħda mniżżla iswed fuq l-abjad fl-aħħar statistika taċ-ċensiment tal-agrikoltura. Skont dan iċ-ċensiment l-art agrikola naqset b’2,000 ettaru f’dawn l-aħħar 10 snin. Borg kompla biex jispjega li ma hemmx bżonn ta’ xi somma straordinarja biex nintebħu li b’dan ir-rittmu, sa madwar 50 sena oħra l-art agrikola li se jibqalna se tkun waħda minima ħafna.

Borg żied biex jgħidilna li problema oħra hija l-użu tar-raba’ li baqa’ u dan hekk kif ħafna minn din l-art qiegħda tintuża għal skopijiet mhux agrikolu u allura li tieħu ħsieb u taħdem il-ħamrija ma tkunx prijorità tal-persuna li jkun qiegħed jieħdu ħsieb dik l-art. Elabora dwar il-fatt li llum hawn prijoritajiet ta’ strutturi għal skopijiet rikreazzjonali, dawk li jrabbu annimali bħal żwiemel jballtu l-art li din ma tixrobx l-ilmijiet bħalma tagħmel art maħduma, għelieqi oħrajn li qed jintużaw minn mechanics bħala garaxx biex jaħdmu fihom għaliex saħansitra ma jaffordjawx jaħdmu f’żona industrijali minħabba l-prezzijiet tal-garaxxijiet u għelieqi oħrajn qegħdin jintużaw bħala parkeġġ ta’ trakkijiet u inġenji kbar. “Apparti l-implikazzjonijiet li mhux qegħdin nipproduċu prodotti minn din l-art, l-użu b’dan il-mod qiegħed iwassal biex din l-art jew assolutament ma tixrobx ilmijiet jew tixrob ħafna inqas milli kieku tinħadem minn bdiewa bi professjoni li lesti li jżommu l-art poruża”, sostna Borg.

Ma’ talk.mt huwa qal li dawn huma wħud mir-realtajiet li qegħdin iwassluna għal ħafna xeni drammatiċi fi żmien fejn minħabba tibdil fil-klima qegħdin ikomplu jiżdiedu l-flashfloods. Huwa sostna li din hija problema inwketanti għax il-probabbiltà hija li dawn il-flash floods ikomplu jiżdiedu u jekk se tkompli tonqos l-art poruża, ovjament dawn ix-xeni b’ilmijiet li jinġemgħu f’ċertu postijiet jaf ma jibqgħux daqstant mhux komuni.

“Waħda mis-soluzzjonijiet għall-kontroll aħjar tal-ilma hija li mmorru pass lura u mhux nibqgħu favur il-qerda ta’ din l-art”, qal Borg filwaqt li semma l-problema tal-art agrikola li tinkera mill-privat u li dawn il-bdiewa m’għadhom qed jaffordjaw il-qbiela mitluba minħabba domanda sostanzjali għall-art ibbażata għal skopijiet imsemmija aktar qabel. Żied jispjega li għalkemm din diffiċli biex tiġi kkontrollata minħabba li s-sid għandu kull dritt li jitlob ċertu prezz għall-art tiegħu, hemm mod kif il-gvern jagħmel xi ħaġa iżjed biex jgħin f’din is-sitwazzjoni. Tkellem dwar ir-raba’ tal-gvern li sfortunatament qiegħed jinħela f’sejħiet ta’ tenders li l-bdiewa mhux qegħdin jifilħu jidħlu għalihom biex iżidu l-art agrikola tagħhom. 

Hawnhekk huwa għamilha ċara dwar iż-żgħażagħ li jidħlu għal korsijiet f’edukazzjoni terzjarja bħalma huma dawk offruti fl-MCAST u kkonferma li għad hawn studenti li lesti li jidħlu f’dan is-settur. Huwa sostna li dawn iż-żgħażagħ li lesti li jidħlu għal dan ix-xogħol, jaħdmu l-art agrikola u jżommuha poruża għandhom jingħataw prijorità fuq persuni biex ngħidu hekk fi stat li jħallsu iżjed imma li dawn jidħlu għal din l-art bi skopijiet oħra. “Iva għad hawn żgħażagħ għatxana, konxji minn ċertu għajnuniet finanzjarji anke Ewropej li l-gvern jirnexxielu jġedded minn żmien għal żmien, iżda li ma jaffordjawx jidħlu għal spejjeż ta’ miljuni biex ikollhom l-art li fiha jistgħu jirrealizzaw il-proġetti tagħhom marbutin ma’ produzzjoni sostenibbli”, żied jgħid Borg.

Tkellimna wkoll rigward il-problema tal-ilma. Skont il-President tal-Għaqda imsemmija, għan-nies peress li jiftħu l-vit u jsibu l-ilma, ma jemmnux li teżisti problema. Fil-verità l-problema teżisti u skontu huma l-bdiewa li jafu kemm qiegħda tiżdied għax huma qegħdin jindunaw kemm l-ilma tal-pjan qiegħed jonqos minħabba li mhux qiegħda tagħmel biżżejjed xita. 

Problema oħra hija l-erużjoni tal-ħamrija – riżorsa li ddum ħafna biex tiġi ġġenerata u li nitilfu l-ħamrija b’dan il-mod hija problematika ħafna. Hawnhekk huwa tkellem dwar l-importanza li nippriżervaw il-ħitan tas-sejjieħ minħabba l-funzjoni kruċjali tagħhom li jilqgħu milli tintilfu ammonti kbar ta’ ħamrija. Madanakollu ssib li minħabba li ċertu ilmijiet fit-toroq jogħlew iktar mil-livell tal-art agrikola, qiegħed wassal biex ammont ta’ ħamrija fi rħula bħalma huma fl-Imġarr spiċċa intilfet ħamrija li nġarret mal-ilmijiet u li tieħu snin twal biex terġa’ titkattar.

Ekonomija

Sport