Saturday, December 21, 2024

“Jeħtieġ li t-tfal bl-awtiżmu jkunu aċċettati fil-verità u mhux bil-paroli biss” 

Aqra wkoll

Imfakkar ix-Xahar Dinji tal-Awtiżmu

Matul l-ewwel ġimgħa tax-Xahar Dinji tal-Awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold, qed tingħaqad mal-bqija tal-komunità Internazzjonali tal-Awtiżmu biex tfakkar ix-Xahar Dinji tal-Awtiżmu billi xegħlet b’mod simboliku bil-kulur blu l-Funtana tat-Tritoni.

L-avveniment “lighting up” ta’ din is-sena għandu tifsira saħansitra aktar profonda peress li minbarra li qed tqajjem kuxjenza dwar l-Awtiżmu f’Malta, qed tesprimi wkoll solidarjetà għall-isfidi addizzjonali li għaddejjin minnhom il-familji fuq l-ispettru li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Waqt li tingħaqad ma’ Autism Europe, The Marigold Foundation b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri ta’ Tfal bl-Awtiżmu, qed taħdem b’mod attiv biex titqajjem kuxjenza dwar il-qagħda mwiegħra ta’ dawn it-tfal, żgħażagħ u familji sħaħ għaddejjin minn trawma bħal din. Għal ħafna nies fuq l-ispettru, li jkollhom jibqgħu fi spazji ristretti għall-perjodi twal, jew li jbiddlu djar u spazji familjari flimkien ma’ ħsejjes u ħsejjes qawwija jista’ jkun sfida akbar milli għal ħafna nies oħra. Dawn l-isfidi jwasslu għal ansjetà u stress addizzjonali għall-familji fejn l-awtiżmu huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum.

Waqt li indirizzat l-avveniment, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, iċ-Chairperson Onorarju tal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-tfal bl-Awtiżmu u Global Ambassador ta’ Autism Speaks, (l-akbar organizzazzjoni tad-dinja favur l-awtiżmu) Michelle Muscat qalet li l-komunità Maltija tal-Awtiżmu hija solidali mal-poplu Ukren u tixtieq testendi l-appoġġ lill-komunità tal-awtiżmu tal-Ukrajna. Muscat saħqet fuq l-importanza li persuna bl-awtiżmu jkollha sostenn matul il-ħajja kollha tagħha mhux biss fiż-żogħżija tagħha.  Dan imur mat-tema ‘A Happy Journey Through Life’ mnedija minn Autism Europe, fejn qed inħarsu lejn il-persuna b’lenti ħolistika u fejn allura huwa importanti li s-servizzi li jingħataw ikunu estiżi għal matul ħajjithom kollha.  

Indirizzat ukoll din l-okkażjoni simbolika Dr Sophie Janois li qed iżżur Malta minn Pariġi. Dr Sophie Janois avukata u difensur tal-komunità Franċiża tal-awtiżmu, faħħret ix-xogħol li qed isir minn The Marigold Foundation u mill-APA u enfasizzat il-ħtieġa li ssir difiża għal opportunitajiet indaqs kemm matul is-snin skolastiċi kif ukoll wara, fuq il-postijiet tax-xogħol.

L-attività kienet indirizzata wkoll mis-Sinjura Alishia Xuereb Jones, mill-APA, li rringrazzjat lil The Marigold Foundation għall-appoġġ tagħhom u l-ħidma tagħhom ta’ favur il-kawża.

Fi tmiem l-attività, Beppe Caruana, tifel ta’ 10 snin fuq l-ispettru tal-awtiżmu u awtur ta’ kotba għat-tfal, bil-għan li jqajmu kuxjenza dwar l-awtiżmu fost it-tfal tal-iskola, ippreżenta l-aħħar ktieb tiegħu ‘Il-Ħbieb ta’ Ġuzi’ lis-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni biex tgħin it-tixrid ta’ aktar għarfien dwar l-awtiżmu u tgħin aktar familji li għandhom membri fuq l-ispettru tista’ tagħmel dan billi ċċempel fuq 5170 2052 biex tagħti donazzjoni ta’ €15, 5180 2053 biex tagħti donazzjoni ta’ €25 jew tibgħat SMS fuq 5061 9238 biex tagħti donazzjoni ta’ €11.65 jew permezz tal-BOV mobile pay, 9991 2373 biex tagħti xi ammont ieħor.

Ekonomija

Sport