Tuesday, May 14, 2024

Vantaġġ qawwi għal Real kontra Chelsea b’Benzema jiskorja hat-trick

Aqra wkoll

Ispirati minn Karim Benzema, Real Madrid għamlu pass kbir lejn is-semi-finali tal-UEFA Champions League meta fl-ewwel leg tal-kwarti-finali għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 3-1, bl-attakkant Franċiż jiskorja hat-trick. Fil-partita l-oħra, Villarreal għelbu lil Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0. 

Chelsea v Real Madrid – Barra minn darhom, Real Madrid rebħu lil Chelsea bl-iskor ta’ 3-1. 

Din il-partita kellha bi­du qawwi fejn tat indikazzjoni li kienet se tkun waħda eċċitanti fejn fl-10 minuta, il-Madrileni resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Karim Benzema għadda lejn Vinicius Ju­nior li l-konklużjoni tiegħu stampat mal-mimduda. 

Madankollu huma fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Karim Benzema bidel il-ballun ma’ Vinicius u b’daqqa ta’ ras xeħet il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax- xibka. 

U appena għaddew tliet minuti, l-istess Karim Benzema rdoppja meta reġa’ kkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Luka Modric. 

Peró ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Chelsea daħlu fil-partita meta Jorginho xeħet cross perikoluż li sab li Kai Havertz li bir-ras għeleb lil  Thibault Courtois.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Karim Benzema rreġistra l-hat-trick personali meta xeħet f’xib­ka vojta wara żball tal-goalkeeper, Edouard Mendy. 

Villarreal v Bayern M. – Villarreal laqgħu lil Ba­yern Munich u għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0 liema rebħa setgħet kienet ferm akbar fejn anke kellhom goal im­ħassar. Imma lejn it-tmiem il-Bavarjani ppressaw għal goal tad-draw iżda ma rnexxielhom isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja biex kollox għadu miftuħ me­ta l-ġimgħa d-dieħla Ba­yern jilagħbu f’darhom.  

L-Ispanjoli ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara tmien minuti huma fetħu l-iskor. Azzjoni mibdija minn Gerard Moreno lejn Giovani Lo Celso li kompla lejn Dani Parejo li kellu l-ispazju biex jixxuttja. Iżda filwaqt li t-tentattiv tiegħu kien sejjer barra, Arnaut Danjuma kien fil-post opportun biex kompla l-ballun għal ġox-xibka. 

Fil-41 minuta, l-Ispanjoli skorjaw minn Gerard Moreno iżda l-goal ġie mħassar għal offside mar­ġinali ta’ Francis Coquelin.

Sport