Saturday, March 7, 2026

Jeħtieġ tissokta l-ħidma favur aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union ilha tadvoka sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa kemm fuq livell ta’ shop stewards kif ukoll fil-Kumitati Eżekuttivi tat-Taqsimiet rispettivi. Li jiġri hu li meta jiġu offruti dawn l-opportunitajiet, issib min jgħidlek li l-ħinijiet ikunu twal wisq jew inkella ma jkunux jistgħu jlaħħqu b’impenji oħra li jkollhom. 

Dan ġie rrimarkat mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja meta ħa sehem f’panel ta’ diskussjoni waqt konferenza li ttellgħet mill-Fondazzjoni FIDEM, bit-tema “Give to Gain”: Building a Balanced Future for 21st Century Work and Life. 

Bugeja tkellem dwar kif id-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna anke bl-avvanzi li saru fit-teknoloġija. Barra minn hekk, illum qed jiżdiedu l-inċentivi biex il-ħaddiema mhux biss jibqgħu fl-impjieg, imma jkomplu jipprogressaw fil-karriera tagħhom. 

Dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, Bugeja rrefera għall-proposta li kienet ressqet il-unjin, dik li jsir studju dwar ġimgħa ta’ xogħol ta’ 32 siegħa, fejn jiġi analizzat ukoll liema setturi se jkunu l-aktar impattati.

Fl-istess waqt, huwa għamel aċċenn għall-mod kif il-bidliet fid-dinja tax-xogħol ikunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ ġenituri. “Bla dubju, dak li tassew jgħin huwa HR b’saħħtu f’kull kumpanija u li jkun hemm kultura fi ħdan il-kumpanija li tifhem il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-impjegati,” tenna Bugeja. 

Waqt li rrikonoxxa l-benefiċċji li jħallu miżuri bħalma huma dawk tal-flessibilità u r-remote working, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jenfasizza li għad fadal xogħol xi jsir favur aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 

F’dan il-panel ħadu sehem ukoll Caroline Zammit – Kap tal-HR, Ax Group, Dr Stephanie Mifsud – Assistant General Counsel, Anthea Maria Ellul – Psikoterapista u Fabian Demicoli – Head of Comms & Business Development, Malta Chamber of SMEs. Huma tkellmu fost l-oħrajn dwar l-esperjenzi personali tagħhom ta’ kif jirnexxielhom isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Fil-ftuħ tal-konferenza tkellmet ukoll Dr Sabine Agius Cabourdin, li hija l-Fundatriċi tal-Fondazzjoni FIDEM, Judith Vella – Direttur Maniġerjali tal-istess Fondazzjoni, filwaqt li ngħata rendikont minn Dr Coryse Borg tal-konferenza li saret is-sena li għaddiet, l-inizjattivi u l-azzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur u dak li hemm ippjanat għaż-żmien li ġej. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport