Thursday, July 30, 2026
Home Sport Jekk forsi taħseb li ma tistax tasal, trid tibqa’ temmen fik innifsek,...

Jekk forsi taħseb li ma tistax tasal, trid tibqa’ temmen fik innifsek, tibqa’ dejjem pożittiv u taħdem iktar b’dedikazzjoni u serjetá – Clint Tabone

0
74

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet min meta kont tifel fejn dejjem nibqa’ ngħid li kien l-isbaħ żmien speċjalment fejn konna nistgħu nilagħbu l-ballun fit-triq mingħajr problemi. Bla dubju l-futbol nista’ ngħid li kien parti kbira minn ħajti matul iż-żmien kemm bħala plejer u f’dawn l-aħħar 18-il sena bħala kowċ, fejn nista’ ngħid li rajt tfal jikbru u jiżvilupaw li llum il-ġurnata nħoss sodisfazzjoni li kont parti mill-iżvilupp tagħhom.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tan-Nisa.

Li tkun kowċ ta’ skwadra nazzjonali hija diġá xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjon u tħoss element ta’ responsabbiltá speċjalment meta taf li qed tirraprezenta lil pajjiżek. L-esperjenza mat-tfajliet ta’ taħt is-17-il sena hija waħda ta’ sodisfazzjon speċjalment meta tara l-impenn u l-qalb li għandhom dawn it- tfajliet speċjalment meta tarahom jagħtu dak kollu li jistgħu u jippruvaw jagħmlu dak kollu li tkun qed taħdem fuqu fiż-żmien qasir li jkollok magħhom biex tipreparahom għall-kompetizjoni li tkun ġejja fejn dejjem ma tkunx faċli għal-livell li ssib,peór meta ġġib xi riżultat pożittiv bħalma ġibna fl-aħħar logħba li lgħabna ġewwa l-Azerbaijan ftit tal-ġranet ilu hija xi ħaġa li tagħtik iktar ħeġġa biex tibqa’ taħdem u tgħin biex tkompli tipprova tgħolli l-livell ta’ dawn it-tfajliet.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta nemmen li dejjem qiegħed jikber. Baqagħlna ħafna x’naħdmu peró l-futur huwa wieħed sabiħ. Għandna nibqgħu naħdmu speċjalment fl-etajiet iż-żgħar, nemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn il-klabbs u l-MFA biex ninvestu aktar fit-talent li għandna. Meta tilgħab ma’ timijiet barranin, tinduna li għandna xi ħaġa nieqsa fejn irridu nissaħħu.

U dak tal-grawnds fejn il-plejers jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Fuq livell ta’ grawnds fejn jilagħbu forsi jista’ jkollna faċilitajiet xi ftit aħjar peró nifhem is-sitwazzjoni ta’ ammont kbir ta’ logħob li jiġu organizzati mill- Youth FA (YFA).

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi fil-futbol l-ewwelnett nibqa’ nżomm saqajja mal-art u nara li nibqa’ nitgħallem kull ġurnata kif dejjem kienet il-fehma tiegħi għax għandi responsabbiltá kbira fl-iżvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ, diment li l-Bambin jagħtini s-saħħa nibqa’ nagħti li nista’ b’dedikazzjoni u passjoni kif dejjem għamilt.

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi jibqa’ dejjem l-istess biex qatt ħadd m’għandu jaqta qalbu anke jekk forsi taħseb li ma tistax tasal, trid tibqa’ temmen fik innifsek, tibqa’ dejjem pożittiv u taħdem iktar b’dedikazzjoni u serjetá!