Sunday, November 24, 2024

“Jekk għada pitgħada ma nkunx jien Ministru se nassiguraw li ħadd ma jaqa’ fl-iżbalji tal-passat”

Il-Ministru Caruana jelenka l-ħidma kollha biex l-Air Malta setgħet tingħata ħajja ġdida

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din il-kumpanija li sippost kienet kummerċjali, amministrazzjoni wara l-oħra matul is-snin ġabuha qisha dipartiment tal-gvern jew agħar”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li kompliet id-diskussjoni dwar il-futur tal-Air Malta. 

Il-Ministru Caruana qal li kieku l-affarijiet imxew kif sippost matul is-snin, din il-kumpanija ma kinitx tgħaddi minn dak li għaddiet. Il-Ministru qal li din il-kumpanija ġiet użata u abbużata għal diversi finijiet u l-fatti huma li huma. Huwa tkellem dwar in-negozjati mal-Unjins u minkejja l-paċenzja tiegħu li hija magħrufa kien hemm mumenti fejn waqt in-negozjati kien hemm min qam u staqsa jekk humiex se jibqgħu jingħataw biljetti tal-ajru b’xejn. Huwa qal li l-kumpanija ma setgħet qatt tagħmel profitt b’mijiet ta’ nies li telqu matul is-snin u baqgħu jieħdu biljetti b’xejn.

Il-Ministru f’diskors mill-aktar imqanqal u bbażat fuq iċ-ċifri li skontu juru l-iswed fuq l-abjad fejn tidħol l-Air Malta qal li kulħadd prova jixtri għada għal-lum u l-problema kompliet tiġi mbuttata għax ħadd ma ried jgħid il-verità.

Il-Ministru kompla biex jirrakkonta kif f’Marzu tas-sena 2020 il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea kellha kliem iebes meta ltaqgħet għall-ewwel darba miegħu u qaltlu li fuq medda t’għexieren ta’ snin diversi rappreżentanti ta’ pajjiżna kienu marru biex jgħidu li se jsir mod u sar mod ieħor. Huwa qal li kien inħasad għax biex jinnegozja magħha kienet se tkun diffiċli ħafna tant li talab biss ftit xhur biex juri li hemm ir-rieda li jibdel ir-rotta. Fakkar li dan kollu sar ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali. 

Il-Ministru Caruana kompla biex ifakkar li d-deċiżjoni li jitnaqqsu l-ħaddiema kellha tittieħed u għamilha ċara li l-ħaddiema tal-linja tal-ajru sakemm idum hu Ministru ta’ din il-linja tal-ajru, dawn se jibqgħu 375 persuna għax ma nistgħux naffordjaw li nerġgħu naqgħu għall-vizzji tas-soltu. 

“Isbaħ mill-oġġettività m’hemmx u se nagħti miż-żewġ naħat. Issemmew il-ftehimiet kollettivi. Fil-passat qabel sirt Ministru, jekk immorru lura 15-il sena kien hemm 1,400 persuna biex itajru disat ajruplani, fl-2007 u wara jsegwi l-2008 jiġu ffirmati żewġ ftehimiet li fihom dakinhar ħadd ma ħareġ sold iżda għabbew lill-kumpanija b’€90 miljun fuq skemi tal-irtirar”, kompla biex jgħid il-Ministru Caruana.

Waqt li kompla biex isemmi diversi realtajiet, il-Ministru qal li ħadd ma jista’ jmeri s-sewwa magħruf u hawnhekk kien hemm diversi drabi fejn l-Oppożizzjoni qabżet tinterrompih. 

Rigward l-attakk fuq is-Sur David Curmi, Caruana qal li fl-2003 iċ-Chairman u s-Ceo ta’ dak iż-żmien flimkien kienu jitħallsu nofs miljun ewro. Qal li fl-2011, nies li taħthom telf biss kien hemm baqgħu jitħallsu dawn il-pagi. Saħaq li ilu jissaporti imma n-numri qegħdin hemm u ma jmerihom ħadd u n-nies hemm barra b’hekk qed jitilfu l-fiduċja fil-klassi politika. Huwa qal li bl-istess mod m’għandu l-ebda problema jgħid li meta ftit tax-xhur ilu l-linja fetħet għal dawk id-destinazzjonijiet kollha tilfet miljuni kbar ta’ ewro.

“Jekk se nibqgħu mmeru għax intkom u għax aħna mhu se naslu imkien u dal-pajjiż se jibqa’ l-istess. Il-pajjiż jimxi jekk ikun hemm min jgħid li din hija l-problema u din hija s-soluzzjoni. Taħsbu li m’għamiltx xhur inħabbel rasi biex wasalt għal dak li ħabbarna lbieraħ?”, kompla l-Ministru Caruana qal li ilu xhur twal jistenna u jissaporti biex ikun jista’ jispjega dan kollu. 

Il-Ministru qal li l-kumpanija kellha assi tagħha iżda maż-żmien gvern Nazzjonalista neżżaha minn dan kollu u lanqas ajruplani tagħha ma kien baqagħlha. Il-Ministru qal li l-pjan huwa li l-kumpanija tirkupra l-assi tagħha. Huwa qal li biex jikkompeti, il-gvern qiegħed jara li l-wage bill minn €48 miljun jinżel għal €22 miljun biex itiru tmien ajruplani. Huwa qal li trid tkun linja tal-ajru li trid tqabbadna mal-kumplament tal-Ewropa, iżda ma jistax tagħmel titjiriet li ma jkunux kummerċjalment vijabbli.

“Ma jimpurtax ma nidhirx ħelu, imma irrid nassigura li b’din id-deċiżjoni jien ma rridx nerġa’ mmur quddiem in-nies u ngħidilhom li kien kollu xogħol fil-bażwa. Jien b’wiċċi minn quddiem ngħid li din hija l-aħjar deċiżjoni ’l quddiem”, tenna l-Ministru Caruana.

Sport