Friday, December 13, 2024

“Jekk ikun hemm il-bżonn, naf kif nista’ niddefendi ħajjet ibni”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ukrena teżerċita bl-armi f’każ li tibda gwerra minħabba invażjoni mir-Russja

Omm ta’ 38 sena mill-Ukrajna li l-impjieg proprju tagħha huwa wara skrivanija fil-kapitali Kyiv, minn dejjem kellha d-delizzju li titħarreġ fl-isparar. Sena ilu din il-mara, Alisa, ingħaqdet ma’ sezzjoni għad-difiża tat-territorju bil-għan li tikseb ħiliet bażiċi ta’ ġlied kontra l-għadu. Li qatt ma mmaġinat, però, huwa li dan l-istess taħriġ b’delizzju tista’ tiġi bżonnu biex tiddefendi ħajjet l-għażiż binha ta’ seba’ snin, lilha nnifisha, kif ukoll lill-ġara fl-eventwalità ta’ invażjoni mit-truppi Russi.

Inkwetata li se jkollha tuża dan id-delizzju fi gwerra reali kontra r-Russja, f’intervista ma’ “Reuters” Alisa qalet li, “in-nies imutu u dan huwa ta’ swied il-qalb enormi. Agħar minnhekk, irrealizzajt li mhux ħajti biss hemm fin-nofs, imma anke ta’ tifel innoċenti ta’ seba’ snin”. 

Hija u titkellem dwar binha Timur, din l-omm qalet li hija konxja li binha jista’ jkun imweġġa’ minħabba “ċuċati” mill-pajjiż ġar li xi darba kellhom tant relazzjoni tajba miegħu. Alisa, li riedet li tkun magħrufa bl-ewwel isem tagħha biss, għamlet din l-intervista proprju f’dawn il-ġranet li tulhom ir-Russja żiedet il-preżenza tat-truppi tagħha bl-eluf mal-konfini tal-Ukranja. Dan il-pass mill-President Russu, Vladimir Putin, wassal għal biżgħa kemm fost il-poplu tal-Ukranja kif ukoll fost il-pajjiżi tal-Punent, li hemm pjan imminenti ta’ invażjoni. Moska, min-naħa tagħha, qiegħda tiċħad li għandha dan il-pjan.

Alisa ngħaqdet ma’ gruppi ta’ difiża tat-territorju eżattament sena u nofs ilu, ferm qabel ċittadini oħra ta’ dan il-pajjiż, ħassew il-ħtieġa biex jagħmlu dan. Ix-xahar li għadda t-truppi Russi bdew jinġabru mal-konfini tal-Ukranja f’operazzjoni militari li l-gvern Russu ġġustifika bħala battaljuni ta’ riserva b’130,000 suldat fiż-żona.

Alisa qalet li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar bdiet tara persuni ġodda jingħaqdu fis-sessjonijiet ta’ taħriġ fl-użu ta’ armi. Fi tmiem kull ġimgħa hija tagħmel rutina li tilbes ħwejjeġ apposta u tarma lilha nnifsha b’żewġ pistoli ta’ kalibru żgħir u tmur f’foresta, kif ukoll siti oħra, biex tipprattika tispara sewwa.

Flimien ma’ għadd ta’ volontieri oħra, l-aktar irġiel bl-etajiet ta’ bejn it-30 u l-50 sena impjegati maċ-ċivil, Alisa tqatta’ seba’ sigħat teżerċita bil-pistola tagħha u toqgħod għassa ma’ binja fiż-żona. Dan bil-għan li flimkien ma’ sħabha jiddefendu l-post. Hija qalet li l-fatt li għandha dan it-taħriġ bażiku, jgħinha sserraħ ftit moħħha fis-sitwazzjoni mhedda li jinsab fiha pajjiżha.

“Jekk allaħares qatt tibda gwerra naf kif għandi naħrab minn żona ta’ periklu u mmur f’żona sigura. Naf kif għandi nirreaġixxi jekk ikunu sparati tiri lejja u naf kif nista’ ngħin lil Timur, lill-ħbieb u lill-ġara jekk ikunu qegħdin jiġu attakkati mill-għadu,” temmet tgħid din il-mara u omm mill-Ukrajna.

Ekonomija

Sport