Wednesday, May 15, 2024

“Maż-żgħażagħ biex iwettqu l-ħolm tagħhom… €10,000 f’10 snin għall-first time buyers” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Se nkunu qed inħallsu €1,000 fis-sena lil first time buyers mill-pagament tal-loan tagħhom għall-ewwel għaxar snin. Dan ifisser total ta’ €10,000 f’10 snin.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta flimkien.

Fl-indirizz tiegħu beda billi qal li l-ħolma li wieħed ikollu d-dar tiegħu trid tkun ħolma sabiħa, aspirazzjoni li tieħu pjaċir tagħmilha realtà.

Qal li l-għaqal u li wieħed jaħdem għal dak li jixtieq, għandu jkun dejjem sostnut u ppremjat u huwa dak il-ħsieb wara din il-miżura importanti.

Qal li din il-miżura hija għajnuna diretta lil dawk iż-żgħażagħ li jiddeċiedu biex jixtru l-ewwel proprjetà residenzjali tagħhom, jew dawk li diġà xtrawha mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

Il-Prim Ministru qal li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, din il-miżura jkollha effett retro-attiv u b’hekk tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Spjega li din il-miżura se tfisser li għall-ewwel sena se tiswa €3.8 miljun, imbgħad komplessivament se tiġi tiswa €57 miljun ta’ għajnuna liż-żgħażagħ u l-first time buyers kollha.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll punt dwar min jikwalifika għal din il-miżura. Qal li l-uniċi rekwiżiti huma li tkun first time buyer u tkun qed tixtri l-propjetà residenzjali li magħha jkun hemm loan abbinat.

Qal li llum għandna rekord ta’ persuni li huma sidien ta’ darhom u żgur li għenu dawk l-inizjattivi li dan il-Gvern daħħal sena wara l-oħra. Żied jgħid li jemmen li din hija waħda mill-aktar miżuri importanti li se jimplimentaw jekk jingħataw fiduċja.

Żied jgħid li ma’ din hemm skema ta’ għajnuna li jingħataw lill-persuni li għal xi raġuni ma setgħux iħallsu l-10% tad-depożitu mal-konvenju tax-xiri tal-propjetà tagħhom u allura kienu jikkwalifikaw għal loan imma ma kellhomx biżżejjed biex iħallsu dan id-depożitu. F’dan ir-rigward, Dr Abela ħabbar ukoll titjib fl-iskema tal-10% depożitu fuq konvenju għax-xiri ta’ proprjetà. Hekk kif fil-preżent din kienet tgħodd għal dawk il-propjetajiet b’valur ta’ mhux aktar minn €175,000, il-Prim Ministru ħabbar li dan se jkun qed jiġi estiż għal €225,000.

“Għamlu kuraġġ. Tiddejqux tkunu ambizzjużi. Lilna se ssibuna magħkom f’kull pass li tagħmlu. Aħna l-futur… flimkien se naslu. Konkretament se nagħtukom aktar flus fil-but. Malta Flimkien – il-futur sabiħ,” temm jgħid Dr Abela, filwaqt li meta mistoqsi mill-ġurnalisti spjega li l-għotja se tkun qed tingħata forma ta’ ċekk.

Il-kandidata Laburista Naomi Cachia qalet li bħala żagħżugħa tista’ tifhem u tapprezza kemm din il-miżura hija sinifikanti. Qal li b’dan il-mod għal darb’oħra l-Partit Laburista qed juri li huwa l-partit taż-żgħażagħ u l-partit tal-futur. Qalet li din l-iskema m’għandniex narawha f’iżolament imma tingħaqad ma’ oħrajn li għenu u qed jgħinu lill-first time buyers fosthom it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll li waslet biex il-first time buyers iffrankaw sa massimu ta’ €6,500, skema li sa issa ibbenefikaw minnha 28,000 persuna. Dan apparti minn skemi oħra fosthom l-iskema tal-Equity Sharing.

Qalet li għal dawn ir-raġunijiet, u ħafna iktar, konvinta li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin japprezzaw dak li ġie implimentat diġà u wegħdet li jekk jingħataw il-fiduċja, dan il-moviment se jibqa’ magħhom.

Min-naħa tagħha, il-kandidata Laburista Cressida Galea qalet li din hija skema li hija parrti minn sensiela ta’ skemi u miżuri li huma immirati lejn iż-żgħażagħ. Qalet li filwaqt li wettaq dawn il-miżuri, il-PL fil-gvern kompla jaċċerta li l-finanżi pubbliċi jibqgħu fis-sod. 

Semmiet diversi riżultati pożittivi u spjegat li dawn huma frott ta’ pjan b’viżjoni. 

Qalet li tikkunsidra din l-iskema bħala l-pass naturali li kien imiss u qalet li din hija skema progressiva speċjalment minħabba l-fatt li mhux se jkun hemm capping fuq il-valur tal-propjetà li miegħu se tkun allaċċjata wkoll din l-iskema. Dan għaliex peress li l-għajnuna se tkun l-istess għal kulħadd, u għaldaqstant dawk li se jkunu qed igawdu minn din l-iskema huma dawk partikolarment li għandhom dħul baxx, fost l-oħrajn.

Sport