Saturday, May 4, 2024

GAME CHANGER GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-FIRST TIME BUYERS

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista qed iwiegħed ħlas ta’ €1,000 kull sena għall-ewwel għaxar snin fuq is-self li persuna tkun ħadet mill-bank sabiex tixtri l-ewwel propjetà. 

Dawn li ġejjin huma 5 raġunijiet – mil-lenti purament finanzjarja – li jispjegaw għalfejn dik il-proposta tista’ tkun game changer għaż-żgħażagħ li llum qed isibuha diffiċli li jakkwistaw l-ewwel propjetà tagħhom. 

1. Se jkun qed jitħallas l-ekwivalenti ta’ kważi żewġ pagamenti fis-sena għal  10 snin sħaħ 

Bir-rati tal-imgħax tal- lum, żagħżugħa ta’ 25 sena li takkwista appartament ta’ €175,000 bħalissa tħallas pagament ta’ kważi €550 fix-xahar fuq il-loan tagħha għal 40 sena sħaħ. Dan ifisser li €1,000 fis-sena jkunu qegħdin ikopru kważi żewġ pagamenti fis-sena għal xejn anqas minn kwart tal-perjodu tas-self. 

Kull min issellef għall-ewwel dar tiegħu jgħidlek li fl-ewwel snin il-pagamenti tal-loan ikunu jinħassu pjuttost ibsin u ftit li xejn ikun hemm lok għal tfaddil f’dan iż-żmien. B’din il-miżura, dawn iż-żgħażagħ se jkollhom aktar flessibbiltà finanzjarja f’dan iż-żmien finanzjarjament sensittiv sabiex ikunu jistgħu jfaddlu waqt li jħallsu l-loan tagħhom. Possibbilment ikunu jistgħu anke jinvestu fid-dar tagħhom stess billi jinvestu fl-għamara jew spejjeż oħra u b’hekk jidħlu fid-dar aktar qabel. 

2. Loans se jkunu jistgħu jitħallsu qabel iż-żmien 

Din l-inċentiva tfisser li l-Gvern se jkun qed iħallas lil dawn ix-xerrejja mal-€10,000 fl-ewwel għaxar snin tal-loan. Dan jammonta għal akar minn 6% tal-ammont ta’ self li wieħed ikun ħa fuq l-eżempju li semmejt aktar qabel. 

Jekk wieħed jibqa’ jagħmel biss il-pagamenti stipulati mal-bank tul il-perjodu kollu ta’ self, dan ifisser li individwu jkun ħallas lura s-self li jkun mill-inqas sentejn qabel iż-żmien. 

3. Iż-żgħażagħ se jħallsu anqas imgħaxijiet 

Ħafna ma japprezzawx li l-imgħaxijiet jiżdiedu aktar kemm is-self idum ma jitħallas u aktar kemm id-dejn ikun kbir. B’din l-inċentiva żagħżugħ se jkun qed jiffranka l-imgħax fuq xejn anqas minn għaxart elef ewro li se jkun litteralment qatagħhomlok mil-loan il-Gvern stess b’din l-iskema. 

Mhux hekk biss, peress li l-loan issa se tinqata’ aktar kmieni, l-imgħaxijiet se jkunu tħallsu fuq perjodu anqas minn dak li jkun ġie stipulat oriġinarjament mal-bank minħabba li jkollok anqas imgħax akkumulat tul is-snin. 

4. Il-banek se jkunu jistgħu jżidu l-ammont ta’ self li jagħtu lill-first-time buyers 

Ħafna jsibuha diffiċli li jissellfu l-ammont li jkunu jixtiequ sabiex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom minħabba li normalment il-banek ma jkunux lesti li jsellfu ammont ta’ flus li jwassal sabiex il-pagamenti kull xahar jaqbżu l- 25% tal-paga tax-xerrejja. 

Fil-fatt, illum il-bank diffiċli jsellef lil koppja li taqla’ inqas minn €25,000 fis-sena sabiex tixtri propjetà ta’ €200,000. Dan hekk kif il-pagament għal dan it-tip ta’ loan jaqbeż is-€7,300 fis-sena u jammonta għal 29% tal-paga tal-koppja. Il-mument però li l-Gvern se jkun qed iħallas €1,000 minn dawn il-pagament, il-loan issir ħafna aktar possibbli hekk kif il-feasibility rate tonqos viċin il-25% li normalment hija aċċettabbli għal ħafna banek. 

B’hekk din il-miżura se tkun qed tgħin lil koppji żgħażagħ ikollhom aċċess għal ammont ta’ loans akbar minn dak li għandhom illum. 

5. M’hemmx link dirett ma’ żieda fil-prezzijiet tal-propjetà 

Waħda mir-riskji ta’ miżuri bħal dawn hija li jistgħu jirriskjaw iżidu mal-problema li jkunu intiżi biex isolvu. Fil-fatt, kieku l-PL iddeċieda li jagħtu grant ta’ €10,000 lill-first-time buyers, kulma kien jiġri kien li l-prezzijiet tal-propjetajiet jiżdiedu immedjatament b’€10,000 u ma kien jissolva xejn. 

Il-fatt li l-iskema se tkun qed tiffinanzja parti mill-pagament tal-loan if- isser li m’hemmx link dirett mal-prezzijiet tax-xiri bħalma kieku kien se jkun hemm f’każ li jingħata xi grant jew sussidju. Din l-iskema se tgħin liż-żgħażagħ iġorru parti mill-piż tal-loan mingħajr ma toħloq domanda sproporzjonata għal propjetà li ġġorr magħha żieda diretta fil-prezzijiet tad-djar. 

Sport