L-Erbgħa, il-Parlament Ewropew organizza dibattitu plenarju dwar il-protezzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal mir-riskji tal-midja soċjali. Bħala l-viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi dwar l-affarijiet diġitali u l-ko-president tal-intergroup tas-saħħa mentali, Alex Agius Saliba MPE kellu rwol ewlieni fid-dibattitu.
Huwa appella għal azzjoni urġenti mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu indirizzati id-disinji vizzjużi fil-pjattaformi tal-midja soċjali, kif ukoll biex jiġu meħuda miżuri immedjati li jimplimentaw età minima għall-użu tal-midja soċjali sabiex il-minorenni jiġu protetti minn effetti li jħallu ħsara fuq l-iżvilupp tagħhom.
“L-għeżeż ħaġa għal kull ġenitur huma uliedu. Jixtieq jarahom jirnexxu, iżda jispiċċa frustrat jara d-dipendenza fuq il-midja soċjali tfixkel l-iżvilupp tagħhom. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni politika fuq livell Ewropew! Irridu niġġieldu għal alternattiva sana għall-pjattaformi tossiċi attwali u nipproteġu liċ-ċkejknin tas-soċjetà tagħna.’ qal Alex Agius Saliba waqt id-dibattitu.
L-esperti qajmu tħassib li ħin żejjed quddiem l-iscreens tal-mobile jew il-kompjuter qed iwasslu għal saħħa mentali prekarja. Ġenituri u għaqdiet li jaħdmu fis-settur ilhom juru t-tħassib tagħhom dwar każijiet fejn id-dipendenza fuq il-midja soċjali wasslet għal inċidenti serji, inkluż każijiet fejn it-tfal weġġgħu lilhom infushom jew anki wettqu suwiċidju.
Dawn mhumiex każijiet individwali, iżda pandemija madwar l-UE, li taffettwa ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal li qed jikbru bħalissa. L-UE ressqet regoli, bħal l-Att dwar is-Servizzi diġitali, li għalih Alex Agius Saliba MPE kien rapporteur, iżda dawn ir-regoli jeħtieġu infurzar strett u rapidu biex tassew jagħmlu differenza.
Alex Agius Saliba stqarr: “nistennew li l-Kummissjoni taħdem aktar biex tinforza r-regoli li diġà jeżistu sabiex nagħmlu l-midja soċjali aktar sigura, imma neħtieġu wkoll regoli ġodda dwar attivitajiet li deliberatament jagħmlu l-ħsara. Dawn jinkludu l-iskrolljar bla tmiem u d-disinji mudlama, li huma intiżi sabiex joħolqu dipendenza. Nistennew proposta ambizzjuża għall-Att dwar il-Ġustizzja diġitali li għandu jipprojbixxi dawn il-prattiki u jwaqqaf il-mudelli ta’ negozju tossiċi. B’hekk inkunu qed nipproteġu mhux biss lill-minorenni iżda lilna lkoll, għaliex dawn il-mudelli jaffetwaw anki lill-adulti.”

