Thursday, June 18, 2026

Jitlestew 16-il triq mill-100 triq residenzjali ġdida mwiegħda għal Għawdex fi 3 snin

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li tlestew total ta’ 16-il triq ġdida mwiegħda għal Għawdex fi tliet snin. Dan waqt żjara li għamel fi Triq il-Wardija l-Qala, waħda mit-toroq li għadhom kif tlestew u ngħataw it-tarmak fl-aħħar jiem. Fil-fatt, fi Triq il-Wardija, il-Qala nbidlu s-servizzi kollha tad-drenaġġ, ingħatat it-tarmak u tlestew ukoll bit-tarmak Triq il-Ġidi, ix-Xewkija u parti minn Triq it-Tempju tal-Imramma, f’Ta’ Sannat.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Komplejna għaddejjin bil-ħidma infrastrutturali li ma qatgħet xejn sabiex inwettqu dak li wegħidna fil-Budget li għadda jiġifieri, li llestu 100 triq residenzjali ġdida għal Għawdex f’dawn it-tliet snin. Illum qegħdin fi Triq il-Wardija, il-Qala li tlestiet fl-istess żmien li għamilna wkoll Triq il-Ġidi, ix-Xewkija u Triq it-Tempju tal-Imramma f’Ta’ Sannat. B’kollox f’dawn it-tliet toroq ingħata aktar minn 2,700 metru kwadru ta’ tarmak. Kommessi li nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu ta’ xogħol sabiex inwettqu wkoll din il-wegħda.”

 Huwa  fakkar li qabel beda dan il-proġett ta’ 100 triq residenzjali ġdida kienu saru diskussjonijiet ma’ diversi Kunsilli Lokali sabiex kienu huma stess li identifikaw it-toroq li kellhom bżonn isiru.

 Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-għan ta’ dan il-proġett mhuwiex biss li jingħataw servizzi aħjar liż-żoni residenzjali Għawdxin iżda wkoll uċuh ta’ toroq aħjar għall-benefiċċju kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport