Monday, April 29, 2024

“Jekk irridu l-paċi… irridu nippreparaw għall-gwerra”

- il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddew kważi 74 sena mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Dikjarazzjoni li saret f’Mejju tas-sena 1950. Dikjarazzjoni li saret f’kuntest storiku – l-Ewropa kienu għadha kif ħarġet mit-Tieni Gwerra Dinjija. Għadd ta’ pajjiżi Ewropew kienu għadhom mifnijin mit-tiġrif li ħalliet warajha il-gwerra.

Diversi pajjiżi Ewropej kienu determinati li ma jkunx hemm gwerra oħra. Dan wassal biex ftehmu li l-ġbir flimkien tal-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar kellu jagħmel gwerra bejn Franza u l-Ġermanja impossibbli. Dakinhar kienu saru dikjarazzjonijiet qawwija fosthom li “l-paċi fid-dinja ma tista’ tkun garantita mingħajr ma jsiru sforzi kreattivi proporzionali mal-perikli li jhedduha”. Dak inhar ukoll kien ġie dikjarat li “l-Ewropa mhux se tinbena f’daqqa. Se tinbena permezz ta’ kisbiet konkreti li l-ewwel ma jibnu hi solidarjetà fil-fatt”.

U llum 74 sena wara, bħal sajjetta fil-bnazzi nisimgħu dikjarazzjonijiet li l-ispirtu tagħha hu ferm u ferm il-bogħod minn dak li kien seħħħ 74 sena. Dak inhar kien qegħdin jaħsbu u jaraw kif jagħmlu impossibli li soir gwerra. Illum, quddiem il-kunflitt fl-Ukrjana, qegħdin nisimgħu dikjarazzjonijiet bħal “jekk irridu l-paċi irridu nippreparaw għal gwerra”.

Din id-dikjarazzjoni li “jekk irridu l-paċi irridu nippreparaw għall-gwerra’ ma saret minn ħadd ħlief il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.

Charles Michel f’artiklu li kiteb u li ħasad lil ħafna u ovvjament ma jonqosx li jiġi kritikat, jitkellem fuq kif l-Ewropa għandha tipprepara għal gwerra.

Iddikjara li “kienu it-3:30 ta’ filgħodu tal 24 ta’ Frar tas-sena 2022, meta qomt bil-ħoss tat-telefon jdoqq. Bdejt insegwi għadd ta’ aġġornamenti ta’ intelliġenza li bdew iwissu dwar invażjoni Russa fl-Ukrajna. Smajt il-vuċi tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy fuq it-telefon jgħid “il-bombi qed jaqgħu fuqna, għandna “invażjoni”. F’dak il-mument irrealizzajt li l-arranġamenti kollha tas-sigurtà ‘wara t-Tieni Gwerra Dinjija kienu inbidlu għal dejjem. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll tinbidel malajr magħha.”

Ikompli jgħid li “fi ftit sigħat, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell għal summit straordinarju biex jistabbilixxu r-rispons tagħhom għall-invażjoni. Ma kienx hemm bżonn ta’ kliem. L-azzjoni kienet dik li kienet meħtieġa. Huwa mument fl-istorja li kull wieħed mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jibqa’ jiftakar għal dejjem. Id-deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kienu l-bidu ta’ twelid ta’ Unjoni Ewropea ġeopolitika. Il-kalkoli ħżiena li għamel il-Kremlin – dawk ta’ gwerra faċli kontra l-Ukrajna li ma ddumx aktar minn tlett ijiem, ma tat każ u warrbet l-unità kollettiva tal-Unjoni Ewropea, u d-determinazzjoni tal-Ukrajna li tiddefendi t-territorju tagħha. Il-Kremlin ma jimpurtahx mill-benesseri taċ-ċittadini tiegħu, il-prosperità tal-pajjiż, jew il-paċi fir-reġjun. B’kuntrast, l-Ukrajna u n-nies tagħha rreżistew, reġgħu ħatfu territorju maqbud, imbuttaw lill-flotta Russa mill-Baħar l-Iswed, u kkaġunaw telf kbir lill-armata Russa.”

Il-President tal-Kunsill Ewropew ikompli jgħid li “sentejn wara mill-bidu tal-gwerra, issa jidher ċar li r-Russja mhux se tieqaf fl-Ukrajna. Dan bħalma ma waqfitx fil-Krimea għaxar snin ilu. Ir-Russja se tkompli t-tattiċi ta’ distabbilizazzjoni tagħha. Dan se tagħmlu fil-Moldova, fil-Ġeorġja, fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, fil-Balkani tal-Punent u anke saħansitra aktar ‘il bogħod fil-kontinent Afrikan.”

Jisħaq li “r-Russja hi theddida militari serja għall-kontinent Ewropew tagħna u s-sigurtà globali. Għalhekk irridu nkunu lesti għad-difiża u naqilbu għal ekonomija tal-gwerra. Wasal iż-żmien li nieħdu r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna. Ma nistgħux nibqgħu noqogħdu fuq ħaddieħor jew inkunu fil-ħniena taċ-ċikli elettorali fl-Istati Uniti jew xi mkien ieħor. Irridu nsaħħu l-kapaċità militari tagħna kemm għall-Ukrajna kif ukoll għall-Ewropa, biex niddefendu d-dinja demokratika. Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha se tikkontribwixxi wkoll għal alleanza tan-NATO aktar b’saħħitha u ssaħħaħ id-difiża kollettiva tagħna. Nistgħu nkunu kburin b’kemm wasalna imma għad hemm ħafna li nistgħu u rridu nagħmlu.”

Jenfasizza li “ftelefonata jumejn wara li bdiet il-gwerra, Zelensky talab għall-Ewropa biex tibgħat l-armi. Flimkien mar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, ħdimna mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex inwasslu l-armi lill-Ukrajna. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni tagħna. F’dak l-ewwel tmiem il-ġimgħa stess kienu qed jaslu l-ewwel armi fl-Ukrajna. L-impenn tal-Ewropa lejn l-Ukrajna u n-nies tagħha ilu sod f’kull Kunsill Ewropew minn dakinhar. Żidna wkoll fuq il-manifattura militari.

L-industrija tad-difiża tal-Ewropa żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni tal-armi b’50 fil-mija mill-bidu tal-gwerra. Ma’ dan se nirduppjaw il-manifattura tal-munizzjon għal aktar minn 2 miljuni ta’ biċċa fis-sena, sa tmiem is-sena d-dieħla. Sadanittant, madwar il-kontinent tagħna, il-propaganda tal-Kremlin fl-Ewropa tipprova tikkonvinċi liċ-ċittadini tagħna li l-gwerra fl-Ukrajna ma tikkonċernax, qed taffettwatna finanzjarjament, u tifridna. Dan hu gideb sfaċċat. Irridu nagħmlu aktar biex ngħinu lill-Ukraina u nsaħħu d-difiża. Irridu nitkellmu mhux biss il-lingwa tad-diplomazija imma wkoll il-lingwa tal-poter. Din is-sena, ir-Russja se tonfoq 6 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross għad-difiża, filwaqt li l-UE xorta tonfoq medja ta’ inqas mill-mira tan-NATO ta’ 2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Għal għexieren ta’ snin, l-Ewropa ma investietx biżżejjed fis-sigurtà u d-difiża tagħna.”

Jenfasizza li “llum qed niffaċċjaw l-akbar sfida tas-sigurtà mit-Tieni Gwerra Dinjija, għalhekk irridu nibnu r-rieda tad-difiża tagħna. Dan se jieħu bidla radikali u irriversibbli fil-ħsieb tagħna, lejn mentalità strateġika dwar is-sigurtà. Filwaqt li nsaħħu l-kapaċità tad-difiża tagħna, irridu niżguraw li l-Ukrajna tikseb dak li għandha bżonn fuq il-kamp tal-battalja. Is-suldati Ukreni jeħtieġu b’mod urġenti balal, missili u sistemi ta’ difiża tal-ajru biex jikkontrollaw is-smewwiet. Irridu nużaw il-baġit Ewropew biex nixtru tagħmir militari għall-Ukrajna u ejja nużaw il-qligħ mhux mistenni mill-assi immobilizzati tar-Russja biex nixtru l-armi għall-Ukrajna.”

Sport