Monday, December 23, 2024

“Jekk jinstab li ħadt dawn il-flus mhux 18-il sena ħabs ħaqqni imma għomri”

Aqra wkoll

“Lest nitfa’ ħajti. Mhux biss 18-il sena ħabs anke għomri jekk jinstab li ħadt dawn il-flus. Imma jekk jinstab, kif se jinstab, li din hi invenzjoni, jiena l-ewwel wieħed se nieħu kull pass li nista’ nieħu biex il-persuni li jkunu wasslu għal din l-invenzjoni jħallsu tal-inqas il-€11-il miljun li ntefqu minn flus il-poplu sabiex inħlew għal din il-biċċa xogħol.”

Qal dan l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jiġi intervistat mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon televiżiv F Living fejn kien mistoqsi b’mod partikolari dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-inkjesta Vitals.

Fl-intervista, Dr Muscat saħaq li jinsab konvint li n-nies jemmnuh u li jemmnuh mhux għax għandhom grazzja miegħi imma minħabba “t-track record” tiegħu u se jemmnuh aktar ladarba tintemm din l-istorja. Għax minn din l-istorja, kompla jgħid Dr Muscat, kemm hu, il-Partit Laburista kif ukoll il-pajjiż se joħorġu aktar b’saħħithom.

“Se jitkisser għalkollox min se jkun instab li hu wara din l-istorja. Kien hemm żmien fejn kienu jitkellmu ħafna fuq l-Egrant. Kif ħarġu l-fatti ħadd m’għadu jsemmieha. Kulħadd joqgħod ‘il bogħod minnha. Din se jiġri l-istess.

“Min qiegħed jipprova jgħid li Joseph ħa 30 miljun u kollox se jkun qiegħed jara li sena, sentejn, tlieta, meta tispiċċa l-kawża, se jibda jinduna kif in-nies ħa jduru kontrih, x’mort għamilt b’idejk!,” qal l-eks Prim Ministru.

Huwa semma wkoll li kien jaf li qed jiġi investigat mal-mument li l-pulizija daħlu jfittxu fir-residenza tiegħu. Żied jgħid li huwa talab li jiġi mismugħ iżda ma kienx ingħata dak id-dritt.

Barra minn hekk, huwa rrefera għaż-żmien li fih ingħalqet din l-inkjesta u anke għal-leaks kontinwi li kien hemm. “It-timing eżatt fil-mument li jien kont qed naħseb u stajt ħriġt għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jidher li kien hemm xi ħadd twerwer li jien stajt ħriġt għal dawk l-elezzjonijiet.

“It-timing b’mod ta’ kif jitqaċċat xi ħadd mhux biss fil-konfront tiegħi imma pereżempju d-daqqa żleali fil-konfront ta’ Chris Fearne. M’għandix dubju l-mod kif kienet maħduma, biex Chris Fearne ikun imfixkel milli jieħu l-kariga li jistħoqqlu ta’ Kummissarju Ewropew.

“Il-mod kif inħadmet magħmula biex tipprova ġġiegħel lil Edward Scicluna jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Hemm ukoll nies fil-Gvern li ħadmu taħt żewġ partiti, Segretarji Permanenti fosthom Alfred Camilleri li huwa bniedem ta’ integrità kbira li jispiċċa bla ma jaf xiex akkużat b’korruzzjoni,” kompla jgħid Dr Muscat.

Dr Muscat qal ukoll li fis-sigħat li għaddew bdejna naraw xaqq ta’ dawl. Dan hekk kif il-Qorti tat il-jedd li fl-aħħar ikollhom aċċess għad-dokumenti li hemm ma’ din l-inkjesta fejn huwa jissemma.

Enfasizza li: “konna ilna nitolbu aċċess għal dawn id-dokumenti sena sħiħa. Lil Repubblika tlabniehom uruhulna r-rapport li għamiltu kontra Joseph Muscat. Huma ma jridux għax minnha nfisha dik kienet twassal biex turi kemm f’dan il-każ ta’ din l-inkjesta, l-affarijiet saru ħżiena. Issa sa fl-aħħar ingħatajna dawk il-partijiet illi għandhom x’jaqsmu miegħi u li hemm il-Qorti ddeċidiet li b’mod immedjat hemm dritt għall-aċċess ta’ din l-inkjesta.”

Mistoqsi dwar l-appell għar-rażan u l-kawtela li għamlet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fl-aħħar jiem, Dr Muscat qal li l-kliem tal-Kap tal-Istat kulħadd għandu jagħti kasu.

Huwa ħa spunt minn dak li qalet il-President li wieħed għandu jkun kalm f’dak li jagħmel iżda saħaq li tħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu f’serenità ma jfissirx li ma tgħidilhomx x’taħseb, hemm il-jedd li wieħed jitkellem u jagħti l-opinjoni tiegħu. “Dak li qalet il-President għandu jittieħed b’serjetà kbira,” tenna l-eks PM.

Mistoqsi jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi tip ta’ protesta, huwa qal li mhux se jkun qiegħed jorganizza protesti. “Li qed ngħid hu li ma tistax jekk xi ħadd qed jitkellem favur il-Partit Laburista jew il-Partit Laburista jorganizza xi ħaġa dik hi provokazzjoni jew imbagħad jekk jorganizzaha l-Partit Nazzjonalista hi libertà tal-espressjoni.”

Ekonomija

Sport