Friday, December 20, 2024

“Jekk ma jkunx hemm rispett lejn il-bijodiversità għalxejn li wieħed jibki”

Ħarsa lejn ir-rwol u l-bżonn tan-naħla Maltija

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

M’għandna ebda dubju li kull persuna u ħlejqa fuq din id-dinja għandha l-irwol tagħha. Ir-reliġjon tiddetta li l-irwol ewlieni tagħna bħala bnedmin huwa li nirriproduċu, l-opinjoni fuq din il-fehma ivarja minn kull individwu, speċjalment issa li ngħixu f’ħajja aktar libera u moderna. Iżda, għan-naħal dan huwa stat ta’ fatt. 

“In-naħal huwa insett soċjali, jiġifieri jgħix f’kolonja mmexxija minn reġina. L-għan naturali tiegħu huwa li jibni xehda fejn ikabbar il-kolonja biex ikompli jnissel l-ispeċi. Biex jagħmel dan, joħroġ jirgħa fuq il-fjuri fejn hemm jiġbor l-għasel tal-fjuri, in-nektar, kif ukoll l-għabra tad-dakra, il-polline. Dawn jużawhom biex jaħżnu l-ikel f’forma ta’ għasel biex jitma’ kemm lir-reġina kif ukoll lid-duqqajs, kif ukoll biex jibni x-xehda tax-xema.” Hekk spjegalna Alfred Baldacchino, ambjentalist. 

Baldacchino tkellem ma’ dan is-sit fejn stqarr li l-bniedem sa’ mill-qedem għaraf il-bżonn u l-importanza tan-naħal, tant li anke llum insibu uħud li jkabbru n-naħal. 

“Jintużaw qollol u kaxxex biex il-kolonji tan-naħal ikunu jistgħu jiżdiedu. Meta dawn jagħmlu l-għasel gox-xehda, il-bniedem jieħu parti minn dan l-għasel anke għal raġunijiet kummerċjali. Dan mibarra li l-għasel jintuża ħafna għall-għanjiet mediċinali,” qal Alfred. 

“In-naħal f’pajjiżna mhux talli mhux aħjar minn dak ta’ pajjiżi oħra, imma b’sogħoba kbira wieħed jgħid li huwa agħar”

Fatturi li jwasslu għall-qerda

Meta mistoqsi jekk dawn il-ħlejjaq humiex mhedda, bla eżitazzjoni qal, “iva u dan bla dubju jwassal għal riżultati kbar u koroh, kemm fil-qasam ekoloġiku, f’dak soċjali kif ukoll f’dak ekonomiku.”

Huwa elenka li l-akbar theddida ġejja minn dawk il-fatturi kollha li jwasslu għal qerda tal-ambjent u għal dan huwa qasam dawn it-theddid fi tlieta. 

L-ewwel waħda hija proprju dwar il-qerda mill-bniedem tal-ekosistema, “meta iqaxxar u jeqred il-flora indiġena u salvaġġa li jirgħa fuqha n-naħal.”  Spjega ukoll kif kontributur ieħor għal qerda tal-ekosistemi huwa l-kimika, “għaliex mhemmx kuxjenza edukattiva biżżejjed biex wieħed jara li dak li ħafna jħarsu lejn bħala ħaxix ħazin, huwa s-sisien tal-għixien tan-naħal u insetti oħra.”

Baldacchino jgħid ukoll li t-tibdil fil-klima, li qiegħda teskala b’rata mgħaġġla, mhux qiegħed jagħti biżżejjed ħin lill-biodiversità biex tilqa l-bidliet estensivi li ġġib magħha u b’hekk numru ta’ speċi ta’ flora u fawna jinqerdu wkoll.

Punt ieħor li qajjem dan l-ambjentalist huwa wieħed li ta’ xejn nikkunsidrawh bħala parti mill-qerda tal-biodiversità Maltija. Id-dħul ta’ speċi oħra li jiġu minn barra minn Malta. Dawn jistgħu jkunu saħansitra naħal iżda ma jkunux tal-istess speċi bħal dik li nsibu fil-gżejjer Maltin u għaldaqstant idgħajfu l-ispeċi tan-naħla tagħna. Jista’ jagħti l-każ li jkunu  speċi oħra għedewwa għan-naħal Maltin jew inkella jġibu xi mard magħhom. 

“Dan anke minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż. It-tibdil fil-klima ma nistgħux naħarbu minnha. Il-bexx bla rażan, bla ebda raġuni xjentifika u bil-ħsieb biss ta’ qligħ tal-flus, żgur li ma jgħinx. Il-qerda ambjentali f’pajjiż żgħir bħa; tagħhna ukoll twassal għal qerda tan-naħal, flora u fawna oħra Maltija,” qal Baldacchino.

Id-dinja mingħajr in-naħal, hija possiblii li tibqa’ l-istess?

“In-naħal huwa l-qofol tal-għejxien tal-biodiversità għaliex mingħajr ix-xogħol tiegħu, flimien ma’ insetti dakakra oħra, jgħinu biex il-flora tkompli toktor, tinfirex, tiżidied u tisaħħaħ,” wieġeb l-ambjentalist.

Bħal ma spjega qabel, in-nuqqas tagħhom mhux biss iwassal għal eradikazzjoni tal-flora iżda jonqsu wkoll, “dawk li jgħinu u jwieżnu l-bniedem bl-ikel ta’ kuljum. Il-frott li llum insibu fuq il-mejda għall-ikel, bħal ngħidu aħna; tuffieħ, larinġ, bettieħ, ħawħ, għeneb, u oħrajn huma kollha riżultat tax-xogħol tar-ragħa tan-naħalm meta dan idakkar il-fjuri tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu l-frotta,” qal Alfred. 

Bla dubju, jekk in-naħal jiġu estinti il-pilastri tas-sostenibiltà, l-aspett soċjali, ekonomiku u ekoloġiku, jikrollaw. “Dik ekonomika minħabba n-nuqqas ta’ ikel u għalhekk żieda fil-prezzijiet fis-suq. Dik soċjali, minħabba n-nuqqas ta’ ikel naturali; li sussegwentement iwassal għal impatt fuq  id-dieta u differenti għall-bniedem. Minn naħa l-oħra, dik ekoloġika kawża tat-tiċrita ekoloġika; ambjent bla ħajja, bla fjuri salvaġġi, nieqes minn fawna, għeri minn kull ħajja, bla ruħ.” 

X’nistgħu nagħmlu bħala ċittadini biex nissalvagwardjaw in-naħal u nipprevjenu milli jsiru estinti?

Jgħid li l-ewwel pass huwa li l-bniedem għandu jifhem u jaċċetta li huwa wkoll parti mis-sistema ekoloġika u għaldaqstant dak li jiġri fl-istess ekosistema, jolqot lilu wkoll.  “Ħu mit-tibdil klima. Għalkemm hawn minn din qiegħed isejħilha ‘fake news’ ukoll.”

Żied jgħid li t-tieni pass huwa li jekk ma jkunx hemm apprezzament u rispett lejn il-biodiversità u l-bżonn tal-ħarsien tagħha għall-għixien tal-ħolqien, inkluż dak tal-bniiedm huwa għalxejn li wieħed joqgħod jibki. “Tweġġani ħafna meta nisma li x-xagħri hija kollha art moħlija, meta x-xagħri huwa l-akbar ambjent naturali sinjur fil-gżejjer Maltin, tant imfittex minn naħal, l-aktar dak fejn jinstab is-sagħtar.” 

Sostna li  diġà qiegħdin naraw il-prezz qares li l-bniedem qiegħed ikollu jħallas minħabba dan in-nuqqas ta’ għarfien fil-qasam tal-ħarsien tal-biodiversità. 

“Aktar kemm il-biodiversità tingħata bis-sieq aktar il-prezz ser jikber, sakemm ma jkunx hemm biex jitħallas.” 

B’passjoni liema bħalha huwa jtemm jgħid li jrid ikun hemm ir-reda soda u l-viżjoni li l-biodiversità għanda prezz u valur ekonomiku kbir ħanfa tant li ma nistgħux niinjorawh. “Il-bniedem irid jiddeċiedi jekk iridx li l-għaġir tiegħu huwiex lest li jċarrat din in-nisġa naturali … li artna hija mżejna bihom.” 

Għaxar kurżitajiet fuq in-naħal:

  1. In-naħal għandhom ħames għajnejn; 
  2. In-naħal itiru 20 mili fis-siegħa (mph); 
  3. Ir-raġuni għala jagħmlu daqstant ħsejjes meta jtiru għaliex gwinħajhom iċaqilquhom 11,400 darba kull minuta; 
  4. Ir-reġina tan-naħat tbit 2,000 bajda kuljum;
  5. Naħal nisa biss ‘jigdmu’; 
  6. In-naħal ilhom jeżistu għal 30 miljun sena; 
  7. Wieħed minn kull tliet bukkuni ikel jiddependi minn pollinaturi; wieħed minn dawn huma n-naħa;
  8. Xjentisti irnexxielhom jgħallmu tip ta’ żnażan kif jiskurjaw gowl fil-futbol. Bħala premju, meta jiskurjaw ġew premjati ħelwa;
  9. In-naħal jagħmlu tip ta’ żifna magħrufa bħala l-‘wiggle dance’ bħala mod ta’ kif jikkomunikaw bejniethom. Din issir biex javzaw lil xulxin liema fjura/ pjanta għandhom ikattru;
  10. Xjentisti fl-Università ta’ Bristol skoprew li n-naħal iħallu riħa partikolari ma’ kull pass li jagħmlu. B’hekk, jgħarfu pjanti li diġà żaru u jevitaw milli jaħlu l-ħin. Ikunu jafu ukoll liema naħla żaret dik il-pjanta. 
Ekonomija

Sport