“Jekk ma tivvutax inti xorta se jitilgħu sitt membri tal-Parlament Ewropew. Għal dawk li jistaqsu jekk għandhomx imorru jivvutaw għandi risposta sempliċi li hija li iva għax jekk ma jmorrux huma se jkun ħaddieħor li se jkun qiegħed jagħżilhom minflokom”.
Sostna dan il Membru Parlamentari Cyrus Engerer f’messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu filwaqt li appellalhom biex jagħrblu minn fost l-għażla kbira tal-kandidati. Engerer qal li dawk eletti għandhom ir-responsabbiltà li jirreċiprokaw il-fiduċja b’ħidma favur il-poplu Malti għax fl-aħħar mill-aħħar l-affarijiet li jiġu deċiżi fil-livell Ewropew jaffettwaw lilna kollha.
Mistoqsi rigward il-ħidma f’din il-leġiżlatura, Engerer qalilna li l-legat tal-PE f’dan il-mandat se jkun ix-xogħol kbir ambjentali li sar. Huwa qalilna li fl-aħħar mill-aħħar f’din il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima nkunu qegħdin nieħdu ħsieb is-saħħa tal-bnedmin.
Tkellem fost l-oħrajn dwar il-ħidma tal-kumitat tal-ambjent u semma kif ix-xogħol jinkludi fost l-oħrajn restawr tan-natura, liġijiet li se jnaqqsu l-emmissjonijiet u liġijiet li fl-aħħar mill-aħħar se jgħinuna naddattaw minħabba tibdil fil-klima.
“Ejja ma ninsewx x’ġara s-sajf li għadda fejn minħabba sitwazzjoni ta’ sħana kbira kellna cables li bdew idubu. Din tiġri f’numru ta’ pajjiżi fejn is-sħana qiegħda tiżdied. Allura kien importanti li naraw li jkollna liġijiet b’saħħithom biex nissalvagwardjaw l-ambjent, mhux biss biex ikun sabiħ, iżda għax fl-aħħar mill-aħħar jimpatta s-saħħa tagħna lkoll”, tenna Engerer filwaqt li nnota li fl-opinjoni tiegħu x-xogħol ambjentali kien dak li se jħalli impatt għas-snin li ġejjin.
Staqsejna lil Engerer dwar liema kienet fl-opinjoni dik l-inizjattiva li mbotta u li fl-aħħar mill-aħħar kienet favur l-aħjar interess tal-Maltin. Huwa qalilna li hawnhekk jagħżel li jsemmi tnejn li fl-opinjoni tiegħu kienu t-tnejn importanti ħafna.
L-ewwel u qabel xejn huwa fakkar kif għall-ewwel darba l-UE ġiet dikjarata bħala żona ħielsa għal persuni LGBTIQ+ fejn kulħadd jista’ jkun hu min hu mingħajr ebda biża’.
Liġi oħra importanti li ħadem fuqha kienet id-deroga miksuba biex bħala Maltin u Għawdxin nibqgħu nużaw il-mediċini ġejjin mir-Renju Unit. “Jiena dejjem insemmi lil nannti ta’ 90 sena li mdorrija tuża mediċini li użathom ħajjitha kollha, taf lilhom, tafda lilhom u l-fatt li kellhom jinbidlu mil-lum għal għada kien se joħloq ċertu ansjetà speċjalment fost l-anzjani”, kompla jispjega Engerer filwaqt li rrimarka li fil-verità l-mediċina Ewropea li se jkollna minflokha għandha l-istess potenzjal, iżda n-nies ikunu mdorrijin jużaw ċertu mediċini.
B’din id-deroga dawn in-nies kollha għandhom serħan il-moħħ li għal ċertu snin se nkunu nistgħu nibqgħu nużaw il-mediċina tar-Renju Unit filwaqt li nħarsu ’l quddiem li nkomplu nintroduċu dik tal-UE biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni aktar kajmana.
Fl-aħħar mill-aħħar huwa jemmen li x-xogħol li għamel fuq l-ambjent, il-ġustizzja, is-saltna tad-dritt u l-futur tal-UE, meta tgħaqqadhom flimkien, fuq kull ħaġa tkun qiegħed taffettwa lill-Maltin u l-Ewropej kollha.
Innota kif 80 fil-mija tal-liġijiet deċiżi f’pajjiżna qegħdin jiġu deċiżi fil-PE filwaqt li huma 20 fil-mija li jiġu deċiżi fil-Parlament tagħna u għalhekk tiżdied il-ħtieġa li jibqa’ jkollna MEPs li jafu s-sistema, li jafu kif jinħadmu l-affarijiet u għalhekk ikunu jistgħu jaħdmu favur l-aħjar interess tal-Maltin.