“Jekk jien nisfa mkeċċi minn Malta se jkissruli l-familja tiegħi u d-dritt li ngawdi lill-mara Maltija tiegħi u lill-unika tifla li għandi. Jien ilni noqgħod Malta ħamsa u għoxrin sena u bnejt ħajti prattikament fuq din il-gżira peress li meta dħalt Malta kelli madwar tletin sena. L-uniċi ħbieb tiegħi jinsabu f’Malta u ma nimmaġinanix noqgħod xi mkien ieħor għax issa l-kultura ta’ Malta qiegħda fija u wara ħamsa u għoxrin sena hawnhekk ma nista’ ngħix fl-ebda komunità oħra. Jekk se nisfa’ mkeċċi minn Malta jien ikolli nħalli warajja hawnhekk lill-unika bint li għandi għax din f’dawn it-tlettax-il sena dejjem għexet hawn u m’għandhiex idea ta’ kulturi oħrajn għajr dik ta’ Malta – lanqas titkellem bl-Għarbi ma taf.”
Dan iddikjarah Djillali Douib, hekk kif fuq rasu kellu l-mannara li jista’ jispiċċa deportat minn pajjiżna. Douib hu Alġerin li kien ġie Malta b’visa. Kien talab għal status ta’ refuġjat iżda dan kien ġie miċħud.
L-istorja ta’ Douib tmur lura għas-sena 2001, meta kien iżżewweġ mara ta’ nazzjonalità Maltija. Dan iż-żwieġ ġie dikjarat null fis-sena 2005. Meta spiċċa dan iż-żwieġ, hu intemmu l-‘Freedom of Movement’. Wara xi żmien kien beda relazzjoni ma’ Chawah Farah illum ta’ nazzjonalità Maltija, bil-karta tal-identità. Fis-sena 2009 Douib u Chawah kellhom tifla li semmewha Rafah.
Dak iż-żmien iżda s-sieħba tiegħu Chawah Farah kienet għadha miżżewġa lil raġel ieħor it-tifla ma kinitx ġiet reġistrata fuq ismu. Madankollu t-tifla dejjem irrikonoxxiet lil Douib bħala missierha u hu dejjem mantniha. Kien fil-25 t’Ottubru tas-sena 2012 meta hu ikkuntratta ż-żwieġ tiegħu ma’ Chawah Farah fil-Moskeja b’ritwal Musulman. Fis-sena 2016 hu kien instab ħati ta’ traffikar uman u kien instab jirrisjedi illegalment f’Malta u sussegwentament l-Ufficjal Prinċipal tal-Immigrazzjoni kien ħareġ Ordni tat-Tneħħija u għar-ritorn tiegħu nhar l-24 ta’ Marzu tas-sena 2018.
Douib, kien ħassu aggravat bid-deċiżjoni li jiġi rimpatrijat wara li kien qiegħed igawdi lil seħbitu u lil bintu hawn Malta u għalhekk hu appella mid-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni. Il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni fid-deċiżjoni fl-1 ta’ Novembru 2021 ddeċieda li ma jilqax l-appell b’waħda mir-raġunijiet tkun li hu kien naqas milli jipproduċi evidenza tar-relazzjoni tiegħu mal-bint bijoloġika tiegħu. Hu appella mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli.
Għall-awtoritajiet qed jipprova jgħaddi mit-tieqa la m’għaddiex mill-bieb
Douib kien beda proċeduri ta’ paternità quddiem il-Qorti Civili fis-sena 2019 u dan sabiex hu ikun jista’ jirrikonoxxi lil Rafah bħala bintu. Il-Qorti kienet laqgħet it-talbiet tiegħu u ddikjaratu bħala l-missier naturali u bijologiku ta’ Rafah u ordnat lid-Direttur tar-Registru Pubbliku biex jagħmel il-korrezzjonijiet tiegħu fuq l-att tat-twelid tal-istess minuri Rafah.
Douib fil-proċeduri kontra l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex hu jiġi deportat lejn il-pajjiż tal-origini tiegħu, argument li d-deportazzjoni ċċaħħdu mit-tgawdija kemm ta’ bintu minuri li tant iħobb u li ilu jmantni għal snin sħaħ minn mindu twieldet, u ċċaħħdu miċ-ċans li jkompli jiżviluppa relazzjoni familjari magħha.
Ma naqsux l-eċċezzjonijiet tal-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u qal li kien biss fil-ġurnata li kellha tingħata s-sentenza mill-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni li Douib ippreżenta l-proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ paternità. Il-proċeduri ġew intavolati għaxar snin wara t-twelid tal-minuri minkejja l-fatt li xejn ma żammu milli jintavola tali proċeduri qabel.
L-Uffiċjal tal-Immigrazzjoni qal li Douib ma rnexxielux juri din il-relazzjoni pożittiva familjari u hu ma jistax jabbuża minn proċeduri kostituzzjonali sabiex kif jgħid il-Malti, jekk ma jgħaddiex mill-bieb, jgħaddi mit-tieqa. Qal ukoll li t-talba ta’ Douib biex jingħata status ta’ refuġjat ġiet miċħuda mill-Bord tal-Appelli għar-Refuġjati u din ma kienet xejn ħlief tentattiv ieħor biex hu jara x’jagħmel sabiex jiggranfa mat-tiben u jipprova jikseb xi forma ta’ permess sabiex jibqa’ jirrisjedi Malta.
L-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni qal ukoll li “bħal kull Stat Sovran ieħor, Malta għandha l-jedd li tkeċċi barranin misjuba ħatja ta’ reati kriminali serji. Tenna li l-ilment ta’ ksur tal-ħajja familjari huwa wieħed ċiniku u fieragħ għall-aħħar u manifestament qiegħed isir biex Douib ikompli jgħix hawn Malta, u mhux biex jieħu ħsieb t’uliedu. Saħaq li r-reat ta’ traffikar ta’ umani huwa reat serjissimu li ċertament jmur kontra l-ordni pubbliku.
“Kien ilu 27 sena f’Malta….19-il sena minnhom b’mod illegali”
Il-Qorti rrimarkat li Douib kien ilu f’Malta aktar min 27 sena u li minhom 19-il sena għex hawn illegalment. Douib xehed li “ħafna mill-ħin tiegħi inqattgħu ma’ marti Chawah u binti Rafah – fid-dar noqogħdu jien, Chawah, Rafah u Raouf (iben Chawah).
Dan it-tifel ta’ Chawah li llum għandu dsatax-il sena wkoll għandu relazzjoni tajba ħafna miegħi tant li jirreferi għalija bħala missieru wkoll. Ġieli meta jkollu problema ma jgħidx lill-ommu iżda jgħid lili. L-hena tagħna noħorġu flimkien u ngħinu lil xulxin fil-ħajja ta’ kuljum.Meta t-tifla jkollha xi problema hija dejjem iddur fuqna bħala ġenituri tagħha u meta tarani nkwetat fuq din l-affari jiddispjaċiha ħafna għax ilkoll ninsabu inkwetati fuq il-futur tagħna.”
Martu Farah xehdet li “sa mit-twelid tagħha huwa dejjem kien parteċipi fit-trobbija tagħha u għadu hekk sal-ġurnata tal-lum. Huwa dejjem ħallas għall-bżonnijiet tagħha u dejjem kien il-figura paterna fil-familja tagħna, illi tant kemm jien għandi relazzjoni tajba ma’ Djilali li aħna żżewwiġna bir-rit Musulman. Jien għandi tifel bl-isem ta’ Raouf minn raġel ieħor. Raouf illum għandu dsatax-il sena. Minkejja li missieru bijoloġiku mhuwhiex Djilali, Djilali għandu wkoll relazzjoni tajba ħafna ma’ Raouf. Dawn iqattgħu ħafna ħin flimkien u Raouf spiss jirreferi għal Djilali bħala missieru
Mohammed Raouf, iben Farah jiddikjara li “naf lil Djilali Douib sa mit-trobbija tiegħi. Nirreferi għalih bħala missieri. Huwa dejjem ħa ħsiebi daqslikieku kont it-tifel bijoloġiku tiegħu – dejjem ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħi, dejjem ħa ħsieb li ma jonqosni xejn u li dejjem inkun kuntent. Tant kemm jien għandi relazzjoni tajba ħafna ma’ Djilali li sħabi wkoll jaħsbu li huwa l-missier bijoloġiku tiegħi. Djilali huwa l-figura paterna f’ħajti u dan għaliex ma tantx għandi rapport tajjeb mal-missier bijoloġiku tiegħi. Jien ma nimmaġinax ħajti mingħajr Djilali fiha u dan għax hu kien dejjem preżenti f’ħajti sa minn meta kont żgħir ħafna.”
Ritratt ma’ bintu ‘superimposed’…..’dan mhux aċċettabbli”
Dwar ir-ritratti li ppreżenta Douib, l-Qorti tagħmel żewġ rimarki u tgħid li “m’hemmx dubju li r-ritratti ma’ bintu Rafah huma ‘superimposed’. Il-Qorti tagħmilha ċara li dan il-komportament mhuwhiex aċċettabbli u mhijiex ġustifikabbli r-raġuni mogħtija minn Douib li ma kellux ritratti oħra għax tilef il-mowbajl. Seta’ ġab ritratti mingħand il-familja tiegħu jew fin-nuqqas jixhed li ma kellux. Dawn ir-ritratti partikolari ser jiġu skartati mill-Qorti.
Il-Qorti qalet li mhux se tinnega li apparti dawn il-provi mressqa, hija xtaqet kieku tisma’ anke lil bint Douib, Rafah sabiex tiġi solidifikata t-teżi tiegħu dwar l-eżistenza u r-rabta familjari tiegħu f’Malta, liema xhieda setgħet titressaq bis-salvagwardji kollha disponibbli għall-persuni minorenni, għalkemm jingħad ukoll li llum din mhux xi tifla żgħira. Però fit-totalità tagħhom, u meħudin flimkien il-provi mressqa fil-kawża, l-Qorti tqis li Douib irnexxielu juri li huwa għandu ħajja familjari f’Malta għall-fini tal-artikolu 8 tal-Konvenzjoni.
Il-Qorti madankollu trid tevalwa wkoll jekk interferenza fit-tgawdija tal-ħajja familjari ta’ Douib għall-fini tal-Konvenzjoni hijiex ġustifikata u neċessarja f’soċjetà demokratika u b’mod partikolari jekk hijiex proporzjonata mad-dritt tal-Istat li jżomm is-sigurtà pubblika u biex jiġi evitat diżordni jew għemil ta’ delitti.” Qalet li “ċertament li r-reati li tagħhom instab ħati Douib mhumhiex leġġeri.
Il-Qorti ma tistax però ma tinnutax li fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-proċeduri kriminali dik l-istess Qorti ddeċidiet li tirriforma l-piena ta’ 30 xahar priġunerija. Kien intqal li “l-fedina penali esebita mill-prosekuzzjoni tindika li Douib sal-ġurnata tal-lum għandu fedina penali kompletament netta.
Jirriżulta wkoll li hu għandu mpjieg fiss u sentenza karċerarja effettiva ma tkunx piena sodisfaċenti fid-dawl tal-każijiet hawn fuq imsemmija. Hu għandu jingħata l-aħħar opportunità biex ikun jista’ jgħix fis-soċjetà u jkun raġel produttiv għalih u għall-familja tiegħu.”
Il-Qorti enfasizzat ukoll li “matul is-snin kollha li ilu f’Malta huwa naturali li Douib integra wkoll fil-ħajja soċjali u kulturali Maltija. Fuq kollox jekk huwa jitneħħa minn Malta, u aktar minn hekk tiġi nforzata fil-konfront tiegħu l-Ordni li ma jirritornax f’pajjiżna għal ħames snin li jsegwu, dan se jkollu mpatt mhux biss fuqu imma wkoll fuq il-ħajja familjari tiegħu u l-membri tal-familja tiegħu.
Filfatt martu Chawah Farah kienet iddikjarat quddiem l-Qorti li “meta t-tifla Rafah tarana nkwetati fuq din l-affari hija tinkwieta wkoll għall-futur tagħna għax żgur li ma nistgħux ngħixu ‘lbogħod minn xulxin. It-tifla dejjem għexet magħna sa minn mindu twieldet u aħna l-ġenituri tagħha li dejjem konna hemm għaliha. Jien ilni noqgħod Malta wieħed u għoxrin sena sa mill-elfejn u wieħed u ma nimmaġinaniex immorru noqgħodu x’imkien ieħor ‘lbogħod mit-tfal tagħna li aħna tant inħobbu.
F’Malta qattgħajna l-isbaħ żmien ta’ ħajjitna u fiha ffurmajna l-familja ċkejkna tagħna. Jekk ir-raġel jiġi ordnat jitlaq minn Malta hu se jkun qiegħed jiġi mċaħħad milli jgawdi dak li ilu jgawdi għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena għax hu ilu joqgħod Malta sa mis-sena 1997. Jien ma nimmaġinanix ngħix ħajti mingħajru għax huwa r-raġel li miegħu qsamt dawn is-snin kollha.
“Jien jiddispjaċini ħafna meta naħseb biss li l-futur tal-familja tagħna li tant ħdimna għalih flimkien għal dawn l-aħħar snin jista’ jisfa’ fix-xejn fiż-żmien qrib. Aħna dejjem ħdimna biex insaħħu r-relazzjoni familjari tagħna u nitnikket meta naħseb li r-raġel Djilali jista’ jiġi prekluż milli jkompli jgawdi lili u lil mimmi t’għajnejna Rafah.”
Raouf xehed ukoll f’dan ir-rigward u qal li “jien u l-familja tiegħi ma nistgħux nitilqu minn Malta. Jien għandi x-xogħol tiegħi hawnhekk u missieri kien ukoll importanti fil-mixja edukattiva u fil-mixja tax-xogħol tiegħi. Sħabi u familti huma kollha Maltin u ħajti hija totalment ibbażata hawn imdawwar b’ommi Farah, ‘missieri’ Djilal u l-istep sister Rafah.”
Fl-Alġerija it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali huma ripressi
Il-Qorti tgħid li “l-World Report 2024: Human Rights Watch ma jagħtix stampa tajba tas-sitwazzjoni fl-Alġerija. Jissemma’ fost oħrajn li t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali huma ripressi. U għar-rigward ta’ barranin li jidħlu fil-pajjiż, dawn spiss jiġu arbitrarjament imkeċċijin mingħajr screening jew process ġust.
Dan kollu jkompli jimmilita kontra r-ritorn ta’ Douib lejn pajjiżu u anke fir-rigward tal-bqija tal-familja tiegħu li inevitabilment ikollhom jiffaċjaw dawn id-diffikultajiet mhux biss biex jidħlu fil-pajjiż iżda anke biex jibqgħu hemm imqar għal tul ta’ żmien.
Fir-rigward hu wkoll opportun li wieħed iħares ukoll lejn dak li jgħid ir-rapport maħrug minn Amnesty International dwar l-Alġerija datat għas-sena 2023, li ma jagħti ebda konfort għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa vera li b’mod partikolari l-membri femminili ta’ Douib mhux neċessarjament isegwuh fid-deportazzjoni jekk dan ikun il-każ, però kieku biss anke biex iżżommu kuntatt fiżiku miegħu fil-pajjiż indikat hu ta’ preokkupazzjoni għall-Qorti.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula l-Qorti ssib li Douib sofra ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu għat-termini tal-artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Il-Qorti iddikjarat u ddeċidiet li bid-deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa mill-intimat Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni fit-28 ta’ Marzu tas-sena 2018, is-sentenza tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni deċiża nhar l-1 ta’ Novembru 2021 u kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Appell deċiża nhar 6 t’April 2022, Douib ġarrab, qiegħed iġarrab jew jista’ jġarrab ksur tal-jeddijiet fundamentali tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familjari tiegħu kif sanciti bl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Il-Qorti ordnat it-tħassir tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa mill-Uffiċjal Prinċipali tal-lmmigrazzjoni fit- 28 ta’ Marzu tas-sena 2018, is-sentenza tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni deċiża nhar l-1 ta’ Novembru tas-sena 2021 u kif ukoll is- sentenza tal-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri) deċiża nhar 6 t’April tas-sena 2022, u konsegwentament tiddikjara li Douib għandu dritt jirrisjedi fil-gżejjer Maltin flimkien ma’ Farah Chawaf u bintu Rafah Douib.