Tuesday, April 22, 2025

Il-prezz tal-burger famuż Big Mac f’riskju li jogħla fil-prezz għall-Amerikani

L-Awstralja b’ritaljazzjoni għall-“gwerra tat-taxxi” introdotta minn Trump… Lesti jinnegozjaw

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-introduzzjoni ta’ taxxi mħabbra u imposti mill-President Amerikan Donald Trump fuq diversi prodotti importati minn għadd ta’ pajjiżi jista’ jkollha konsegwenza fuq prodott maħbub u mfittex ħafna fl-Istati Uniti stess.

Dan wara li Don Farrell, il-Ministru għan-negozju Awstraljan, ippuntwalizza li l-maġġorparti taċ-ċanga Awstraljana li hija esportata fl-Istati Uniti tmur għall-katina famuża tal-McDonald’s. Konsegwenza ta’ dan, Farrell wissa li jista’ jkun li l-prezz tal-burger famuż Big Mac, jogħla fil-prezz għall-Amerikani stess.

L-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda fuq diversi prodotti minn pajjiż għall-ieħor qiegħda twassal għal ritaljazzjoni u issa hemm biża li dawn se jkunu estiżi fuq prodotti tal-laħam u tal-agrikoltura.

Il-Ministru Farrell qal li, “kull taxxa fuq il-prodotti tagħna twassal għal żieda inevitabbli fil-prezz li l-Amerikani jħallsu għaċ-cheeseburgers u l-Big Macs tagħhom”. Huwa qal li se jkompli jinsisti ma’ Trump biex l-Awstralja tkun eżentata mill-aġenda tiegħu li jintroduċi taxxi ġodda fuq prodotti importati.

Farrell temm jassigura li se jinnegozja ma’ Trump ftehim attraenti li se jkun diffiċli li jirrifjuta.

Sport