Thursday, August 21, 2025

‘Jekk qatt ħassejt ruħek miġbud lejn iż-żfin, il-mużika u l-għawm, l-għawm artistiku jista’ jkun eżattament il-post fejn tappartjeni’ – Hannah Preca Trapani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm artistiku?

Il-passjoni tiegħi għall-għawm artistiku bdiet minn età żgħira ħafna. Il-familja tiegħi kienet tħobb tinġabar biex tara l-Olimpjadi, u dejjem kont affaxxinat bil-grazzja u s-saħħa tal-isport. Dejjem xtaqt li l-isport kien jeżisti f’Malta, u kont noħlom li xi darba nkun nista’ nippruvah. Dik il-ħolma bdiet issir realtà grazzi għall-għalliema tal-PE fl-iskola li introduċiena għall-elementi bażiċi tal-isport. Waqt żjara fil-Kumpless Nazzjonali, lifeguard introduċiena lil Saho Harada — medalista Olimpika Ġappuniża fil-għawm sinkronizzat li kienet qed tistudja l-Ingliż f’Malta. Minkejja l-barriera tal-lingwa, bdiet tagħti sessjonijiet fis-sajf. L-impenn tagħha u l-imħabba lejn l-isport bdew jgħinu biex jiġi introdott l-għawm artistiku f’Malta. Tul is-snin, il-mod kif ħarġet il-potenzjal fl-atleti tagħha u l-viżjoni tagħha bħala kowċ ispirawni ħafna. Kelli x-xorti naħdem magħha għal bosta snin, nitgħallem kemm niflaħ u bnejt rabta aktar profonda mal-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ’ ma’ Sirens ASC u assistant coach tat tim nazzjonali fejn taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Michelle Hubner?

L-esperjenza tiegħi bħala kowċ ma’ Sirens ASC kien wieħed pożittiv ħafna. L-istorja tiegħi mal-klabb hija waħda itwal miż-żmien li sempliċiment għamilt nikkowċja. Meta kont għadni żgħira, kont nattendi t-taħriġ tal-għawn fl-istess pixxina, u kont eventwalment bdejt nikkowċja klassijiet għall-‘beginners’ matul is-sajf. Fl-2019, bdejt niżviluppa l-aspett kompetittiv tal-klabb, u matul is-snin irċevejt appoġġ kostanti mid-Direttur Tekniku u l-kumitat. Illum, għandna timijiet kompetittivi ta’ kull livell u etá – minn atleti ta’ etá żgħira li għadhom qed jibdew l-isport sa atleti li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali ta’ Malta. Il-klabb qed jikber mhux biss fin-numru, iżda wkoll bħala komunità attiva u magħquda. Nemmen li dan huwa wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-isport — il-ħila li jinħoloq ambjent fejn nistgħu nagħtu lura lil dawk ta’ madwarna.

Lura, fl-2021, kelli l-unur li nintgħażel bħala assistant coach tat-Tim Nazzjonali tal-Għawm Artistiku ta’ Malta, flimkien mal-kowċ nazzjonali ta’ Malta, Michelle Hubner, biex nippreparaw lit-tim għal-Kampjonati Ewropej Junior tal-Għawm Artistiku, li saru f’Malta għall-ewwel darba. Li naħdem id f’id ma’ Michelle kienet esperjenza li tiswa ħafna — għaddejna minn ħafna sfidi, iżda sibna saħħa f’xulxin u għelibna kull ostaklu bħala tim magħqud. Minn dakinhar, qed naħdmu mill-qrib mal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku (ASA) biex inkomplu niżviluppaw l-isport b’mod sostenibbli. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-iżvilupp għall-atleti, l-appoġġ tal-iżvilupp tal-kowċis f’Malta, u t-titjib tal-aspett tekniku tal-isport — minn edukazzjoni biex in-nies jkunu jistgħu jsiru ġudikanti uffiċjali tal-isport, sa pjanar strateġiku għall-progress sostenibbli tal-isport fil-futur.

Kif tqis il-livell tal-għawm artistiku f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-għawm artistiku f’Malta qed jitjieb b’mod konsistenti. Bħalissa għandna numru ta’ atleti ta’ livell għoli u qed naraw potenzjal kbir fil-ġenerazzjoni żagħżugħa. Dawn l-atleti żgħar qed jiġu ispirati mit-Tim Nazzjonali ta’ Malta u jaspiraw li jiksbu l-istess riżultati, jew saħansitra aħjar, fil-futur.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Għandna aċċess għal faċilitajiet sportivi mill-aqwa, grazzi għall-investiment li sar minn SportMalta matul is-snin. Nistgħu norganizzaw kompetizzjonijiet ta’ livell għoli fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera — fil-fatt, organizzajna l-Kampjonati Ewropej tal-Juniors tal-Għawm Artistiku f’dan il-kumpless fl-2024! Din kienet l-akbar kompetizzjoni kontinentali tal-2024 fil-għawm artistiku.

Sfortunatament, m’għandniex dejjem aċċess għall-ispazju ta’ taħriġ ideali. F’dinja ideali, it-Tim Nazzjonali ikollu disponibbli bejn erba’ u ħames lanes kmieni wara nofsinhar, iżda minħabba d-domanda għolja għall-ispazju fil-pixxina, dan mhux dejjem possibbli. Normalment nippreparaw it-tim f’żewġ lanes, u dan iħalli impatt fuq il-progress u t-taħriġ tagħna għall-kompetizzjonijiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Il-futur tal-għawm artistiku f’Malta jidher promettenti u mimli tama. Nemmen li nkomplu naraw żieda fin-numru ta’ atleti, kowċis, ġudikanti u uffiċjali tekniċi — sinjal ċar ta’ żvilupp b’saħħtu. Dan huwa sport li nistgħu nispikkaw fih bħala pajjiż, u l-klima favorevoli tagħna jagħmilha ambjent ideali għat-taħriġ matul is-sena kollha. Barra minn hekk, ħafna tfal f’Malta jafu jgħumu u għandhom interess fl-arti, u l-għawm artistiku hu l-kombinazzjoni perfetta ta’ dawn it-tnejn. Il-potenzjal huwa evidenti, u l-ispirazzjoni li toħroġ mit-Tim Nazzjonali qed tmexxi din il-ġenerazzjoni l-ġdida biex timmira lejn riżultati eċċezzjonali fil-futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-għawm artistiku.

Jekk qatt ħassejt ruħek miġbud lejn iż-żfin, il-mużika u l-ghawm, l-għawm artistiku jista’ jkun eżattament il-post fejn tappartjeni. Huwa sport li jilqa’ kull età u abilita, jgħaqqad is-saħħa, il-kreattività u it-teamwork. F’Sirens ASC, mhux biss qed nibnu atleti … qed nibnu komunità fejn il-miri tiegħek jgħoddu u l-progress tiegħek jiġi ċċelebrat. Jekk inti interesat fl-isport u kunfidenti fl-ilma, ejja ingħaqad magħna għal sessjoni ta’ prova bla ħlas! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport