Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jien ġej minn familja sportiva, fejn il-ġenituri tiegħi sa minn età żgħira ħeġġewni nipprova diversi dixxiplini sportivi bħat-tennis u l-atletika. Madankollu, kien il-futbol li verament laqgħatni l-aktar.
Iddeskrivi l-esperjenzi preżenti tiegħek ma’ Vittoriosa Stars FC.
L-esperjenza tiegħi fi ħdan il-familja ta’ Vittoriosa Stars FC hija waħda pożittiva u sabiha. Kuntent hafna li qieghed f’ambjent fejn l-istaff tekniku, kumitat u president, jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li aħna l-plejers ikollna dak kollu li għandna bżonn.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Matul l-istaġun li għadda, konna grupp imħallat b’uċuħ ġodda kif ukoll plejers b’esperjenza, li flimkien iffurmaw tim magħqud u determinat. Għalkemm għaddejna minn mumenti diffiċli, irnexxielna nsibu l-appoġġ f’xulxin u żammejna spirtu ta’ għaqda u pożittività. Din l-għaqda kienet kruċjali biex naslu għat-tragward mixtieq minn kulhadd.
U fuq il-kowċ, Jason Camenzuli?
Lill coach Jason Camenzuli nafu f’livell ta’ youths fejn flimkien ukoll irnexxielna niksbu diversi successi. Din kienet l-ewwel esperjenza flimkien f’livell ta’ seniors, u nista’ ngħid li l-kwalitajiet tiegħu baqgħu jiddefinuh; l-attitudni tiegħu tgħin sabiex tinżamm atmosfera pożittiva u enerġetika fi ħdan it-tim, li tħeġġeġ lill-plejers jagħtu l-massimu tagħhom. Bla dubju, kull tim li jkollu lil Jason fit-tmexxija se jibbenifika sew kemm minn ħilietu tekniċi kif ukoll mill-valuri tiegħu bħala persuna.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Għall-istaġun li ġej, qed nittama li nibqgħu nibnu fuq dak li ksibna s-sena li għaddiet, filwaqt li nibqgħu magħqudin bħala tim u konsistenti fil-prestazzjonijiet tagħna.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti żgur li qed jagħmel passi ’l quddiem, kemm f’termini ta’ livell tal-logħob kif ukoll fl-organizzazzjoni u t-taħriġ. Però għad fadal ħafna xogħol xi jsir.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds u r-riżorsi huma importanti, u f’ċerti każi għadna lura. Hemm bżonn li nibqgħu ntejbu biex inlaħħqu ma’ livell ogħla.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Qed inħares lejn sena oħra ma’ Vittoriosa Stars FC, bit-tama li nerġgħu niksbu s-suċċess u nilħqu l-għanijiet tagħna bħala tim. Fuq livell personali, nixtieq nibqa’ f’saħħti, inżomm il-konsistenza fil-prestazzjonijiet tiegħi, u fuq kollox, inkompli nieħu pjaċir b’din il-logħba sabiħa tal-futbol.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Li tkun konsistenti hu kollox. Mhux dejjem se jkun faċli, imma jekk taħdem u tibqa’ tagħti l-aħjar tiegħek, ir-riżultati jaslu. Fl-istess ħin, importanti li tgawdi l-vjaġġ – il-logħba trid tħobbha u tieħu gost tagħmel dak li qed tagħmel. Jekk tħoss passjoni għalih, il-futbol jista’ jwasslek ‘il bogħod – kemm jekk bħala karriera kif ukoll bħala esperjenza f’ħajtek!