Tuesday, April 1, 2025

Jekk tħoss u trid li tibqa’ tagħmel dak li tħobb l-għażla hi essenzjalment f’idejk – Charlo Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Meta kont żgħir, partikolarment fis-snin tas-sekondarja, kont nilgħab il-futbol  bħala goalkeeper iżda ma nsejjaħx lili nnifsi ffissat fl-isport. Madwar għaxar snin ilu bdejt niġri għall-ewwel darba kull tant imma fl-aħħar ħames snin il-ġiri bdejt nieħdu aktar bis-serjeta’ u bdejt nigri f’nofs maratoni u distanzi bħal 16k, 10k u 5k. Il-ġiri jtini sodisdazzjon minbarra l-benefiċċji fiżiċi u mentali. Din id-deċiżjoni li nieħu dan l-isport aktar bis-serjeta’ ħabtet mal-perjodu meta Vassallo Group ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf il-Mediterranean College of Sport (MCS). Dan sar wara li ffirma ftehim mas-Soċjeta’ tal-Ġiżwiti li rat lilll-grupp li miegħu ilni naħdem 17-il sena iwaqqaf mhux biss skola imma dak li nistgħu insejħuli villaġġ sportiv fil-qalba ta’ Birkirkara.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek fl-amministrazzjoni ċentrali tal-Mediterranean College of Sport.

 Ir-rwol tiegħi huwa dak ta’ Kap Eżekuttiv tal-Mediterranean College of Sport bħala kulleġġ u anke kumpannija kummerċjali li tmexxi l-kumpless sħiħ. Dan il-kumpless illum jinkludi skola sekondarja u sixth form li jispeċjalizzaw fl-isport, bosta faċilitajiet sportivi bħal grawnds tal-futbol, pixxina, trakka tal-atletika, fitness centre, padiljun li fih jintlagħabu bosta dixxiplini sportivi, sala tal-ginnastika u oħra għall-arti marzjali, studios taż-żfin u anke l-akbar ċentru għax-xjenza sportivi li hawn Malta u anke f’din in-naħa tal-ewropa. Il-kumpless jinkludi wkoll ċentru għall-kura għat-tfal u ċentru tal-kindergarten li huma wkoll b’orjentazzjoni sportivi. Il-kumpless illum jinkludi wkoll faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni għall-mitt persuna li ‘l quddiem se jkomplu jiżdiedu. Illum ukoll il-kumpless huwa d-dar ta’ istituzzjoni ohra edukattiva li mmexxi jien – Learning Works – li toffri korsijiet akkreditati minn livell 1 sal -livell 7 fil-qafas tal-kwalifiċi Malti u Ewropew (MQF/EQF). Learning Works illum tispeċjalizza wkoll fi programmi edukattivi speċjalizzati, whud sa livell ta’ Baċellerat fl-isport fosthom fil-psikoloġija sportiva, nutrizzjoni sportiva, amministazzjoni sportiva  kif ukoll, minn din-sena anke fix-xjenza sportiva. Għal dawn l-aħħar tliet snin offrejna wkoll programm ta’ master’s fil-kowċing sportiv flimkien ma’ waħda mill-aqwa universitajiet fid-dinja għax-xjenxza sportiva Liverpool John Moores University.

Xi rwol għandha din l-iskola fis-soċjetà Maltija?

L-iskola fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel studenti fit-30 ta’ Settembru li għadda. L-iskop ta’ l-iskola huwa li jagħti l-opportunita’ lil studenti f’etajiet ta’ bejn il-11 u t-18-il sena sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom f’livell sekondarju u anke ta’ sixth form filwaqt li jispeċjalizzaw f’dixxiplina sportiva tal-għażja taghhom. Bħalissa għandna studenti li qed jispeċjalizzaw fil-futbol, water polo, għawm, karate, ibburdjar u atletika. Minn Settembru li ġej se nżidu l-ġinnastika artistika u t-tennis. Jien nemmen li l-MCS tista’ tgħin biex tixpruna interess akbar fl-isport, tgħin biex l-isport jiġi elevat ghal-livelli aktar professjonali fl-isport kif ukoll sintendi teduka mijiet ta’ studenti-atleti,, kif insejħulhom bl-iskop li dawn itejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-isport minbarra li jieħdu formazzjoni mill-aqwa f’liverll akkademiku li fiż-żmien tal-lum hija xi ħaġa importanti.

Kemm temmen fil-kunċett ta’ dual career f’dak li jirrigwardja l-importanza tal-edukazzjoni u sport, u din l-iskola kemm tagħti importanza lil dan il-kunċett?

Jien personalment nemmen ħafna f’dan il-kunċett u aħna bħala t-tim li mmexxu din l-iskola nemmnu u nippromwovu bil-kbir dan il-kunċett. Qabel xejn bhala skola ma ninvestux biss fil-faċilitajiet sportivi imma anke f’tagħmir li jikkontribwixxi għal tagħlim aktar effettiv kif ukoll, forsi l-aktar ħaġa important, ninvestu fir-riżorsi umani kemm f’dawk li huma edukaturi kif ukoll fil-coaches. Nemmnu li għandna tim ta’ edukaturi tassew kompetenti u dedikati. Fl-isport rajna wkoll li jkollna kowċis speċjalizzati u ta’ esperjenza. Għall-futbol aħna għamilna ftehim fit-tul mal-klabb famuż SL Benfica għall-fatt li dan il-klabb huwa magħruf għall-kapaċitá li jiżviluppa t-talent żagħżugħ fil-futbol. Permezz ta’ dan il-ftehim kowċ speċjalizzat mibgħut minn Benfica huwa residenti fl-iskola biex imexxi l-programm tal-futbol flimkien ma’ kowċis oħra Maltin. Għall-għawm tal-water polo ffirmajna ftehim mal-ASA. Per eżempju l-kowċ nazzjonali tal-water polo huwa wkoll il-head coach tal-water polo tagħna.

Konxju mill-fatt li t-tim tal-waterpolo ta’ Exiles SC qed jibbenefikaw mill-fatt li jutilizza l-pixxina ‘state of the art’ li nsibu fl-iskola. Agħtina iktar dettalji.

Għat-tmexxija ta’ diversi faċilitajiet fl-MCS aħna sseħibna ma’ entitjiet oħra biex dawn jitmexxew f’ħinijiet barra l-orarju tal-iskola. Għat-tmexxija tal-pixxina ta’ 25 metru li għandna fil-kumpless tagħna aħna sseħibna mal-Exiles SC rrappreżentati minn Steve u Andrew Paris. Dawn qed jieħdu ħsieb li jsir użu tal-pixxina mhux biss għall-water polo imma anke għall-għawm għal persuni ta’ etijiet varju minn tfal sa anzjani. Dawn l-utenti jkunu gwidati minn kowċis professjonali mqabbdin minn Exiles. Il-pixxina tagħna għandha ħafna vantaġġi fosthom li tinsab f’post ċentrali f’post b’orjentazzjoni sportivi, għandha faċilitajiet ta’ parking, tintuża fis-sajf u fix-xitwa b’saqaf li jinfetaħ u jingħalaq skont il-ħtieġa. Għal timijiet barranin li jużaw din il-faċilita’ l-kumpless jinkludi wkoll faċiliatjiet ta’ akkommodazzjoni b’servizzi bħal mhu dak tal-catering. Irrid ngħid li l-Exiles diġa qed jaħdmu biex jorganizzaw training camps fil-faċilitajiet tagħna.

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?

Jien naħseb li fl-aħħar snin saru ħafna sforzi biex nieħdu l-isport fuq livelli ogħla milli kellna snin ilu. Gvernijiet suċċessivi investew f’faċilitajiet ġodda li fihom jintlagħab logħob differenti u li fihom mas-snin saru bosta kompetizzjonijiet bħalma huma l-logħob għall-pajjiżi żgħar, sar investiment fl-iskejjel governattivi u privati biex illum ħafna skejjel għandhom faċilijiet sportivi bħal pitches bi-turf, sar investiment minn assoċjazzjonijiet bħalma hi l-MFA li b’impenn daħlet għal proġetti biex jitjieb l-faċilijiet mhux biss f’Ta’ Qali imma f’bosta lokalitjiet. Irrid insemmi wkoll l-impenn ta’ istitutuzzjonijiet edukattivi bħall- MCAST u l-Universitá ta’ Malta li nedew korsijiet li jwasslu għall-kwalifiċi sal-ogħla livelli kif ukoll scholarships u għajnuna finanzarja mogħtija mill-istat anke b’fondi Ewropej li jippermettu li studenti jispeċjalizzaw f’qasam marbut mal-isport bħalma hi l-psikoloġija sportiva, it-tmexxija sportiva, ix-xjenza sportiva u oħrajn. Nemmen li l-kulturá sportiva se tibqa’ tikber grazzi għall-impenn ta’ kulħadd – Gvern, assoċjazzjonijiet sportivi, entitajiet edukattivi u anke s-settur privat li wkoll għandu post f’dan il-qasam.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed – jekk qabel kienu jgħidulek li bl-isport ma tiekolx u għalhekk trid tagħżel biex l-isport u l-istudju, llum huwa possibbli anke bil-miġja ta’ istitutuzzjonijiet bħal tagħna li inti tibqa’ tkabbar it-talent sportiv tiegħek bl-għajnuna ta’ professjonisti speċjalizzati, bl-għajnuna wkoll tax-xjenza sportiva filwaqt li tibqa’ tistudja u tibni karriera jew f’qasam kompletament differenti (per eżempju finanzi, management, liġi, mediċina jew oħrajn)  jew inkella anke fil-qasam sportiv innifsu li llum sar jimpjega professjonisti mħarrġa biex ikompli jiġi reġistrat titjib f’dan il-qasam. Jekk tħoss u trid li tibqa’ tagħmel dak li tħobb l-għażla hi essenzjalment f’idejk u għalhekk għandek taħtaf kull opportunitá li tista’ tiġik biex tibni karriera f’qasam li tħobb!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport