Thursday, July 30, 2026
Home Sport Stennejna li kien ħa jkun staġun diffiċli peró nemmen li għamilna biċċa...

Stennejna li kien ħa jkun staġun diffiċli peró nemmen li għamilna biċċa xogħol kbira għax tajna sfida lill kull tim – Gareth Barone

0
109

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn mindu kelli ħames snin. Ġejt imrobbi f’ ambjent sportiv fejn konna naraw ħafna partiti tal-futbol. Apparti minn hekk, kont immur nara lil ħija jilgħab ma’ Sliema Wanderers u kien hu li kkonvinċieni biex nibda dan l-isport. Mill-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tiegħi li kienet ma’ Sliema Wanderers, ħassejt imħabba kbira lejn il-futbol. Il-futbol kien mod kif stajt nesprimi ruħi, u dik il-passjoni kienet dejjem tiżdied. Dejjem ħassejt li l-futbol kien aktar minn sport għalija.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Melita FC sa issa fil-Malta Premier?

Wara li rbaħna l-BOV Challenge League s-sena l-oħra, konna nafu li konna deħlin għal staġun difficli fil-Malta Premier. Il-livell tal-Malta Premier huwa għoli u impreveddibli. Kellna bidu tajjeb ħafna fejn ksibna l-punti mat-timijiet li qegħdin fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Qabel ma nqsamna fiż-żewg gruppi ta’ top u bottom 6, kellna mumenti ta inkonsistenza fejn tlifna ħafna punti li spiċċaw tellfulna post mal-ewwel sitta. Għalkemm kien staġun ta’ sfidi u ta’ addattament xorta rnexxielna nevitaw l-aħħar żewg postijiet fl-ewwel fażi. It-tieni fażi tirrifletti eżatt l- ewwel fażi, wara li rbaħna lil Floriana u Hamrun Spartans u ġibna r-riżultati ma’ Gzira United u Birkirkara, tlifna l-punti fil-kontronti diretti. Aħna stennejna li kien ħa jkun staġun diffiċli peró nemmen li għamilna biċċa xogħol kbira għax tajna sfida lill kull tim u bil-punti li ksibna jippermettu li nibqgħu niġġieldu sal-aħħar biex inżommu postna fil-Malta Premier.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Clive Mizzi?

Il-kowċ Clive Mizzi huwa l-aktar persuna li għandi nirringrazzja għax emmen fijja meta kont għaddej min perjodu kalċistiku diffiċli. Wara li fl-istaġun preċedenti kont ġejt relegat għall-Amateur League 1 ma’ Mqabba FC, huwa wera fiduċja kbira fija biex inkun parti mill-proġett ambizzjuż ta’ Melita FC, fejn dik is-sena spiċċajna ksibna l-promożżjoni għall-Malta Premier. Huwa kowċ b’esperjenza kbira fil-futbol Malti, dejjem jippretendi l-massimu mill-plejers tiegħu u b’hekk huwa vantaġġ għal tim bħal Melita FC li għandu ħafna plejers ta’ etá żgħira. Minkejja li għaddejna minn perjodi diffiċli, xorta baqa’ jimmotiva l-iskwadra b’ħafna pożittivitá u baqa’ dejjem jemmen fina li fl-aħħar nistgħu nilħqu t-tragward tagħna. 

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Michael Naudi?

Il-kumitat ta’ Melita FC flimkien mal-president Matthew Naudi kienu essenzjali fit- trasferiment tiegħi ma’ Melita għax huma investew fija u ħassew li stajt nintegra tajjeb mal-iskwadra. F’dawn is-sentejn li qattajt ma’ Melita rajt kumitat li jaħdem bilgħaqal u li jkomplu juru fiduċja fil-plejers ‘homegrown’. L-għaqal tal-klabb juri ħafna fin-nursery għax hemm numru kbir ta’ tfal u ħafna plejers promettenti.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tagħna għal dan l-istaġun huwa li nistabbilixxu ruħna fil-Malta Premier, u nibnu sisien importanti għas-snin li ġejjin. Nemmen li bl-iskwadra li għandna nistgħu nilħqu dan it-tragward. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jiena persuna li nimxi ġurnata b’ġurnata, għax il-futbol urieni li huwa sport mimli sorpriżi fejn qatt ma tkun taf x’opportunitajiet se jiġu. Għandi aspettattivi li nixtieq nilħaq fil-karriera tiegħi, fosthom li nistabilixxi ruħi fil-Malta Premier u nħabbat il- bieb tat-tim nazzjonali Malti. Bħalissa, il-futur tiegħi huwa Melita FC u ninsab ħerqan għas-snin li ġejjin. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ ewlieni li nixtieq naqsam huwa li trid tagħmel ħafna sagrifiċċji u żżommu bħala prijoritá f’ħajtek għax il-futbol huwa sport li jista’ jagħtik sodisfazzjonijiet kbar. Madankollu, ma trid taqta’ qalbek qatt għax kull ostaklu li ssib huwa pass eqreb lejn is-suċċess. Kemm-il darba ħassejtni viċin li naqta’ qalbi peró sibt is-saħħa u l-konvinzjoni li nibqa’ niġri wara l-ħolma tiegħi, u ma jiddispjaċini xejn!