Saturday, December 21, 2024

“Jekk tiġi t-tieni mewġa preparati għaliha”

Aqra wkoll

Isostni dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddikjara ma’ Inewsmalta li rrispettivament jekk tiġix it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet jew le, l-awtoritajiet tas-saħħa huma ppreparati għal din l-eventwalità.

Huwa sostna dan meta mitlub jikkummenta dwar ir-rimarki li għamel uffiċjal għoli tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fejn wissa li l-Ewropa jista’ jkollha t-tieni mewġa tal-Coronavirus, li tkun aktar qawwija, fix-xitwa.

Dr Hans Kluge, id-Direttur Ewropew għall-WHO, sostna wkoll li l-pandemija tal-Covid-19 għadha ma spiċċatx u l-pajjiżi għandhom jużaw ix-xhur li ġejjin “għal preparazzjoni u mhux għal ċelebrazzjoni.” 

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Ministru Fearne qal li, “aħna qed naraw jekk fix-xhur tas-sajf il-virus jonqosx u jerġa’ jiżdied fix-xitwa jew jekk bil-mod il-mod dan ikun laħaq fejn kellu jilħaq u jibda jonqos mill-mod kif jinfirex.”

Tenna li: “jekk naslu f’dik is-sitwazzjoni fejn fix-xitwa jerġa’ jkollna l-Coronavirus bħalma se jkollna l-influwenza, diġa’ hemm pjan ta’ kontinġenza. Hemm biżżejjed sodod kif hemm biżżejjed numru ta’ swali u anke sodod fl-ITU biex f’każ li jiġri dan inkunu preparati.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa temm jisħaq li aħjar ikollna preparamenti li ma nużawhomx milli niġu bżonnhom u ma nsibuhomx. 

Ekonomija

Sport