Sunday, December 22, 2024

“Jekk tisimgħu li qatlu mara oħra… inkun jien”

Vittma ta’ vjolenza domestika b’messaġġ xokkanti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dari s-swat, il-biki, l-għajjat u t-theddid kienu moħbija wara l-bibien tad-djar. Il-vjolenza domestika mhiex fenomenu tal-lum, iżda ilha ħafna snin. Però, illum il-ġurnata barra l-għarfien mill-awtoritajiet u mill-għaqdiet, il-midja soċjali tat vuċi lill-persuni vittmi ta’ dan l-abbuż ikrah fil-familja. Każ li laqatna kien dak ta’ omm li tant hija mbeżża’ mill-eks raġel tagħha li wżat il-midja soċjali biex tavża li jekk fil-ġranet li ġejjin nisimgħu b’femiċidju ieħor, tkun hija l-vittma.

Kitba xokkanti tassew meta taqraha u agħar minnhekk meta tgħarbel u tifhem il-kliem iddisprat ta’ persuna li qiegħda titlob l-għajnuna. F’post li fih fetħet qalbha din il-mara allegat li ilha għal snin sħaħ vittma ta’ vjolenza domestika u minkejja li s-separazzjoni ġiet iffinalizzata sena ilu, din l-mara u żewġha baqgħu taħt l-istess saqaf minħabba li għadu ma nbieħx il-post matrimonjali. 

“Theddid, ġlied u vjolenza quddiem it-tfal”

“Dejjem taħt it-theddid, ġlied u vjolenza quddiem it-tfal. Waqt li l-prezz tad-dar matrimonjali beda nieżel biex forsi tinbiegħ, niżel l-ammont li stajt niflaħ nixtri waħdi,” kompliet din il-mara. Hija spjegat li minħabba s-sitwazzjoni tal-bejgħ tad-dar u l-proċeduri twal involuti, hija u wliedha huma f’ambjent allegatament ta’ għajjat u ġlied. Iżda, dan mhux kollox. 

L-omm vittma ta’ vjolenza domestika qalet li ċemplet għall-għajnuna mill-Pulizija fejn allegat li, “jiddispjaċini ngħid li flok kienu ta’ għajnuna kienu ta’ tfixkil. Kulma offrewli kien li jieħduni d-depot f’nofs ta’ lejl u nħalli lil uliedi miegħu. Imma dawn bis-serjetà?”

Din il-mara allegat li barra minnhekk, “qabdu jfajru teoriji bl-amment u dalgħodu kkonfermajt man-nutar li dak li qalu huma rigward bejgħ ta’ proprjetà bejn il-miżżewġin ma jseħħx. Ġara li dan (ir-raġel) rabba aktar arja għax qiegħed jgħidli – smajt x’qallek il-pulizija hux? Issa li tkellimt magħkom, jekk tisimgħu li f’dawn il-ġranet qatlu mara oħra, inkun jien għax il-pulizija mhux talli ma kienux ta’ għajnuna, imma talli ħaduha kontrija għax niddefendi ruħi meta jerfa’ jdejh… Tawh aktar arja”.

IT-TORĊA rrefera dan l-każ lill-Korp tal-Pulizija fejn kelliem qalilna li, “il-persuna involuta ġiet mitkellma mill-Pulizija (anke wara li għamlet il-post fuq il-midja soċjali) imma min-naħa tagħha baqgħet tirrifjuta li tagħmel rapport mal-Gender Based & Domestic Violence Unit”. 

Żied li meta persuna tmur fl-għassa tal-pulizija biex tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika, dawn mill-ewwel jiġu riferuti għal din is-sezzjoni speċjalizzata li twaqfet fl-1 ta’ Ottubru 2020. “Permezz ta’ din is-sezzjoni, l-allegat vittma tiġi pprovduta b’servizz minn tim speċjalizzat u mħarreġ apposta biex jinvestiga dawn it-tip ta’ rapporti,” temm il-kelliem tal-Korp.

Ekonomija

Sport