Saturday, May 4, 2024

Irrapportati splużjonijiet madwar il-kapitali Ukrena Kiev hekk kif il-kunflitt kompla jintensifika fil-Lvant

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat kienu rrapportati splużjonijiet f’pa­r­­tijiet tal-kapitali Ukrena Kiev li qed jindikaw offensiva Russa fuq il-kapitali wara waqfa ta’ numru ta’ ġimgħat. Il-kapitali Ukrena ilha numru ta’ ġimgħat ma tesperjenza attakki min-naħa tar-Russja hekk kif din qiegħda tikkonċentra l-offensiva tagħha fuq l-Lvant tal-Ukrena sewwasew fir-reġjun tad-Donbas. 

Fil-preżent, l-iktar ġlied qalil jinsab għaddej fil-belt ta’ Severodonetsk li tinsab f’Luhansk fid-Donbas. Il-President Ukren Volodymyr Zel­ensky qal li s-sitwazzjoni ġewwa din il-belt hija waħda “estremament diffiċli”. 

Ir-rebħ ta’ din il-belt hija prijorità assoluta għar-Russa hekk kif effettivament dan iwassal biex Luhansk tispiċċa f’idejn l-armata Russja u l-alleati separatisti li fil-preżent diġà jokkupaw partijiet kbar mill-belt ġar Donetsk. 

Il-President Ukren qal li Severodonetsk u żoni oħra fil-madwar qegħdin jesperjenzaw attakki bla waqfien minn missili u artillerija Russa, iżda skontu l-forzi Ukreni għad għandhom il-kontroll. Min-naħa tiegħu, il-gvernatur ta’ Luhansk ukoll qal li l-forzi Ukreni għad għadhom fil-kontroll ta’ Severodonetsk filwaqt li tenna li għadu qiegħed jistenna l-armi ta’ preċiżjoni li kienu mwiegħda mill-alleati tal-Punent.

Sport