Saturday, December 21, 2024

Jekk torqod inqas minn ħames sigħat kuljum, iżżid ir-riskju taqbdek dipressjoni

Aqra wkoll

Jekk b’mod kontinwu torqod inqas minn ħames sigħat kull lejl tkun qed iżżid ir-riskju ta’ dipressjoni. Dan ħareġ minn studju li sar mill-Università ta’ Londra fejn ġew mistħarrġa aktar minn 7,000 persuna.

Ir-riċerkaturi kienu ilhom snin twal jassoċċjaw nuqqas ta’ rqad ma’ problemi ta’ saħħa mentali. Issa b’dan l-istudju ħareġ aktar ċar li dawk kollha li jorqdu biss ftit sigħat kuljum b’mod regolari għandhom riskju ferm akbar li jsofru minn dipressjoni.

Odessa Hamilton, li mexxiet din ir-riċerka, qalet li “Dejjem kellna dilemma jekk in-nuqqas ta’ rqad iwassalx għad-dipressjoni jew inkella d-dipressjoni twassalx għal nuqqas ta’ rqad. Issa permezz ta’ dan l-istudju ħareġ ċar illi dawk kollha li jorqdu ħames sigħat jew inqas kuljum għandhom riskju akbar ta’ dipressjoni. Qabel ma saret din ir-riċerka konna nafu li n-nuqqas ta’ rqad iwassal għal mard ieħor bħal dak tal-qalb, tal-kliewi, il-pressjoni għolja u anke d-dijabete”.

Ir-riċerka saret fost 7,146 persuna u bħala medja kollha kellhom 60 sena. Dawn ġew studjati għal diversi ġimgħat fejn ġie analizzat kemm-il siegħa jorqdu kuljum.

Ir-riżultati juru li dawk kollha li jorqdu dak l-ammont ta’ sigħat imsemmi għandhom ċans ta’ 2.5% aktar riskju li fis-snin li ġejjin ibatu mid-dipressjoni.

Intant, l-istess studju jgħid li persuna adulta għandha torqod bejn seba’ u disa’ sigħat kuljum, filwaqt li t-tfal għandhom jorqdu bejn disa’ u 13-il siegħa kuljum.

Ekonomija

Sport