Thursday, April 18, 2024

Jerġgħu jgħajruha bid-diżabilità u li “jalla tmut b’xi kanċer”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dalgħodu t-tfajla Raisa Falzon irrikorriet għall-midja soċjali biex titlob lill-Pulizija tinvestiga sensiela ta’ kummenti tassew dispreġġjativi fil-konfront tagħha. 

Dan wara li persuna ddeċidiet li tikteb numri ta’ kummenti li ġew deskritti bħala tal-mistħija u li bosta kkundannaw.

Mhux talli din il-persuna għajret lil Raisa minħabba d-diżabilità tagħha u li ma tistax titkellem bħan-nies normali, talli żiedet tgħid “jalla tmut b’xi kanċer”.

Dawn it-tip ta’ kummenti ġabu l-istmerrija ta’ bosta persuni li qalu lil Raisa biex ma tagħtix każ u tagħmel kuraġġ għax tassew hawn ħafna persuni li jħobbuha għax hija tfajla ta’ ispirazzjoni kbira. Meta kellha 15-il sena, Raisa sfortunatament kienet spiċċat f’koma għal disa’ xhur.

F’messaġġ li għaddiet dalgħodu, Raisa qalet: “Kultant ngħid imma jien Alla għalfejn ħallini hawn? Biex joqgħodu jgħajjruni n-nies? Imma mbagħad nirrealizza kemm hawn nies qalbhom tajba. Nixtieq minn qiegħ qalbi li l-Pulizija tieħu azzjoni fuq dan il-każ u fuq diversi hate comments li naqilgħu nies bħali.”

Dan il-każ mhux wieħed iżolat. Fil-fatt fil-bidu ta’ dan ix-xahar, dan is-sit irrapporta każ ieħor li seħħ aktar kmieni dan ix-xahar fejn persuna għażlet li tgħajjar lil Raisa ‘handicap’ u kliem oxxen ieħor.

Fl-isfond ta’ dak il-każ kien saħansitra kkummenta d-Deputat Laburista Oliver Scicluna fejn qal lil Raisa biex ma taqta’ qalbha qatt. Huwa qal: “Inkompli nisħaq dwar l-importanza li fil-liġijiet Maltij jiġi indirizzat l-hate speech fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità. Din wara ħafna snin se tiġi indirizzata wkoll, biex min jagħmel dan l-att jiġi ppenalizzat kif xieraq.”

Ftit tal-jiem ilu l-Kabinett tal-Ministri approva li jsiru l-emendi neċessarji fil-liġi marbuta mal-Kodiċi Kriminali fejn ikun reat b’aggravju meta persuna b’diżabilità tiġi attakkata, umiljata, redikolata minħabba d-diżabilità tagħha. Fil-fatt diġa’ għaddiet l-ewwel qari ta’ din il-liġi importanti u li tant hija meħtieġa. 

Il-Ministru Farrugia Portelli nnotat kif minkejja li ninsabu fl-2021, għadna niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn, persuna b’diżabilità, Raisa, spiċċat mgħajra minħabba d-diżabilità tagħha. 

Hija temmet tgħid li ma jixraqx hekk f’dan il-pajjiż u l-Kamra tar-Rappreżentanti trid tibgħat messaġġ b’saħħtu meta jaslu għat-Tieni Qari tal-imsemmija liġi, illi mhux tajjeb li persuna b’diżabilità tiġi redikolata minħabba d-diżabilità tagħha.

Ekonomija

Sport