Thursday, April 18, 2024

Jerġgħu jipprotestaw biex jingħataw dritt jagħżlu jekk jitlaqqmux jew le

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Irridu l-libertà li nagħżlu jekk neħdux il-vaċċin jew le. Jiena għandu jkolli l-libertà li mmur u nieħdu l-vaċċin, iżda inti tista’ tirrifjuta.” Hekk sostna wieħed mill-kelliema tal-Freedom Movement li nġabru biex jipprotestaw fil-Belt Valletta.

Għal darba oħra, il-moviment niżel fit-toroq tal-Belt Valletta biex jipprotesta kontra l-miżuri tal-Covid-19 imposti mill-awtoritajiet lokali li fi kliemhom qegħdin “jiddiskriminaw” bejn dawk imlaqqmin u dawk li mhumiex.

Barra minn hekk l-istess kelliem qal li minkejja li hu mlaqqam, sal-bieraħ stess, kellu jibqa’ ġewwa minħabba li għalkemm għażel li jaċċetta l-vaċċin, sħabu għażlu mod ieħor.

Fost persuni oħra li tkellmu, tkellmet persuna li qalet li ħuha kien bniedem attiv, bniedem li jħobb imur bir-rota u mimli enerġija, iżda li miet tliet xhur wara li tlaqqam bil-vaċċin kawża ta’ attakk ta’ qalb.

Kelliem ieħor qal li mingħajr ma jidħol fil-mertu dwar jekk persuna għandhiex taċċetta li titlaqqam jew le, sostna li mhuwiex ġust li persuna li ma tkunx imlaqqma tiġi mċaħħda milli żżur lil dawk l-aktar għeżież għaliha speċjalment jekk dawn ikunu waslu fl-aħħar. 

Filwaqt li għamlu wkoll minuta ta’ silenzju biex ifakkru lil dawk kollha li batew il-konsegwenzi varji li ġabet magħha l-pandemija l-aktar dawk li ħallsu b’ħajjithom, instema’ wkoll recording ta’ tifla li tkellmet dwar l-abbuż verbali ta’ tfal li qegħdin jispiċċaw fil-mira ta’ attakki bil-fomm minħabba l-infezzjonijiet u l-kwarantina li tarahom neqsin mill-klassi għal perjodu ta’ żmien skont kif maħruġ mis-supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Il-green pass ukoll kien fost ir-raġunijiet ta’ dawk preżenti u bdiet tiċċirkola wkoll karta bil-firem għal dawk li ma jixtiqux li tibqa’ ssir din d-distinzjoni bejn dawk li huma mlaqqmin u dawk li mhumiex biex persuna tidħol f’ċertu stabbilimenti ta’ rikreazzjoni.

Ekonomija

Sport