Thursday, March 28, 2024

Draw bejn Gzira United u Valletta li ma kkuntenta li ħadd

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gzira United ……1

Valletta …………..1

Gzira United u Valletta temmew fi draw ta’ 1-1 peró l-Maroons naqsu li japprofittaw minn vantaġġ numeriku hekk kif il-Beltin lagħbu għal taqsima sħiħa bi player inqas meta fil-bidu tat-tieni taqsima tkeċċielhom il-goalkeeper, Alessandro Guarnone. Fil-veritá kien riżultat li ma kkuntenta lil ħadd.

L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bl-unika azzjoni denja ta’ nota tasal biss fl-44 minuta minn Valletta meta Ivan Curjuric kellu free-kick insidjuż li ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper Darijan Zarkov Radelic.

Prattikament kienet taqsima ta’ studju li bdiet fuq nota għolja iżda mal-ħin ir-ritmu naqas hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players kienu aktar moħħhom li ma jsofrux il-goal.

U filwaqt li l-Beltin gaw­dew ħafna mill-pussess tal-ballun iżda mingħajr periklu, il-Maroons għalqu l-ispazji neċessarji u kienu aktar ħfief fil-kontrattakki … iżda l-goalkeeper Alessandro Guarnone ftit li xejn kien mgħajjat fl-azzjoni.

Peró, minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta ħadu daqqa ta’ ħarta kbira meta  spiċċaw jilagħbu b’10 playars hekk kif l-istess Guarnone ntwera l-karta l-ħamra wara li ħareġ minn postu biex jinterċetta kull periklu u fit-tentattiv li jagħmel dan waqqa’ lil Maxuell Maia li kien deher destinat li jkompli javvanza fil-kaxxa.

Minflok Guarnone daħal jilgħab Yenz Cini, b’Lucas Campos, ikun kostrett jissagrifika postu li deher diżappuntant.

Mill-free-kick li rriżulta, Cini, mill-ewwel ġie mpenjat hekk kif salva l-free­kick insidjuż mogħti minn Steve Pi­sani.

Fil-50 minuta, Gzira resqu viċin iżda l-konklużjoni ta’ Zack Scerri spiċċat għoli.

Valletta wieġbu fil-75 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Mario Fontanella li iżda ġie devjat f’corner minn Radelic.

Fil-81 minuta huma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Ivan Curjuric, TRISTON CARUANA għeleb lil Zarkov b’daqqa ta’ ras preċiża.

Iżda tliet minuti wara, il-Maroons kisbu d-draw meta Antonio Pavic xeħet cross għan-nofs li sab lil MAXUELL MAIA li permezz ta’ daqqa ta’ ras stupenda tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper Belti.

GZIRA U.: 30-Darijan Radelic Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Marko Cosic, 6-Nikolai Musacat, 7-Steve Pisani (17-Clive Gauci 69), 8-Zack Scerri, 19-Antonio Pavic, 20-Nevin Portelli, 91-Maxuell Maia, 94-Jefferson De Assis, 98-Jackson Mendoza   – Coach: Darren Abdilla

VALLETTA: 26-Alessandro Guarnone, 4-Jean Borg, 5-Ryan Camilleri, 10-Shaun Dimech (24-Rowen Muscat 61), 11-Michele Sansone, 18-Enmy Pena Beltre, 20-Ivan Curjucic, 66-Eslit Sala (6-Triston Caruana 74), 77-Caio Prado (17-Andrea Zammit 74), 89-Mario Fontanella, 97-Lucas Campos (1-Yenz Cini 47)   – Coach: Jose Antonio Cardoso Mendes

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Matthew Degabriele

SKORER: T. Caruana 81 (V), M. Maia 83 (GU)

AMMONITI: I. Curjuric, M. Fontanella (V), N. Portelli, J. De Assis, S. Pisani (GU)

TKEĊĊA: A. Guarnone 46 (V)

Ekonomija

Sport