Monday, October 14, 2024

Jesmar Gafà jirbaħ tellieqa fil-Finlandja fil-Kampjonati Ewropej FEGAT

Aqra wkoll

Il-Kampjonati Ewropej għall-Ġerrejja Rġiel (FEGAT) ġew fi tmiemhom b’wirja mill-aqwa għal Jesmar Gafà. Hu ħa sehem ma’ 12-il ġerrej ieħor fil-Filandja li kienu ġejjin minn madwar l-Ewropa kolha. Huma għamlu ħamest itlielaq f’jumejn.

L-ewwel żewġt itlielaq saru fil-korsa ta’ Vermo, filwaqt li t-tlett itlielaq l-oħra saru fil-korsa ta’ Lahti.

Fl-ewwel tellieqa, biż-żiemel Hold Me Cloud, Gafà spiċċa fis-seba’ post, filwaqt li fit-tieni waħda spiċċa fit-tmien post fuq iż-żiemel Le Lovetail.

Il-korsa ta’ Lahti ġabet aktar riżultati pożittivi lil Gafà li rebaħ l-ewwel tellieqa li saret fiha fuq id-debba Just Kidding. Fit-tieni tellieqa Gafà temm fir-raba’ post fuq iż-żiemel Albino Flame, u b’dawn ir-riżultati kien fit-tieni post tal-klassifika qabel mar għall-aħħar tellieqa tal-ġurnata. L-aħħar tellieqa kellha tiġi sospiża minħabba inċident li seħħ wara 1,000 metru li bdiet it-tellieqa. F’din Gafà kien fuq quddiem biż-żiemel Outwit.

Hekk kif is-siwtazzjoni ġiet għan-normali u l-organizzaturi ddeċidew li terġa’ tibda t-tellieqa, sid iż-żiemel li bih kien qed itellaq Gafà ddeċieda li ma jerġax itellqu u għalhekk il-Malti ma setax itellaq. B’hekk Gafà tilef iċ-ċans li seta’ jipprova jirbaħ dawn il-Kampjonati Ewropej.

Sport