Saturday, May 18, 2024

Mario Grech, Carmen Hili jirbħu l-BSJ 5k Road Running Series

Aqra wkoll

Birkirkara St Joseph Sports Club u Corsa ospitaw it-tellieqa finali tas-serje annwali BSJ 5k Road Running fl-Imtarfa,  aktar kmieni din il-ġimgħa.

Is-serje annwali, mifruxa fuq tlett tlielaq ta’ ħames kilometri, ilha tattira dilettanti tal-ġiri fit-toroq għal ħafna snin.

L-aħħar tiġrija tas-Serje, intrebħet minn Brandon Muscat f’ħin ta’ 15:53. Hu daħal qabel ir-rebbieħ tas-serje Mario Grech li spiċċa f’ħin ta’ 16:05. Tliet sekondi warajh kien hemm Andrew Grech li kien fuq il-ġiri għas-Serje kollha. Iż-żewġ atleti ħadu l-Podju tas-Serje Overall, u magħhom ingħaqad Joseph Borg.

It-tiġrija tan-nisa ntrebħet mill-atleta veterana Giselle Camilleri li temmet il-korsa f’19-il minuta 17-il sekonda. Hija kienet segwita minn Francesca Arrigo, li spiċċat wara 19-il minuta 41 sekonda. Fit-tielet post kienet Carmen Hili f’20 minuta 2 sekondi. Hili ħarġet rebbieħa tas-Serje ġenerali. Jingħaqdu magħha fuq il-podju ġenerali tas-serje kien hemm Marylou Fenech u Christina Sutton.

Trofej lir-rebbieħa tat-Tlielaq u tas-Serje Overall ġew ippreżentati mill-President tal-Club Ray Grech u d-Direttur tal-Corsa Matthew Pace.

“Din is-sensiela saret avveniment tant mistenni, li trawwem sens ta’ komunità u kompetizzjoni b’saħħitha. Din is-serjet inkorporat is-sodisfazzjon tal-fitness, ħbieberija u t- fi sfond xeniku. ” ikkummenta Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St Joseph Sports Club.

Wara l-preżentazzjoni tat-trofej, ingħata arloġġ tal-GPS Coros Malta Pace 2 Premium lil Mark Camilleri, li ntgħażel minn fost il-parteċipanti kollha li ħadu sehem dakinhar.

Midalji għat-tliet tiġrijiet tqassmu lil dawk li spiċċaw fi tmiem it-Tiġrija. L-atleti li ma setgħux jiġbru l-midalja tagħhom dakinhar se jkunu jistgħu jagħmlu dan mill-Eurosport, Triq Psaila Birkirkara mill-10 ta’ Awwissu.

Il-Klabb esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Transport Malta, Agius Watches, aġenti ta’ Coros Watches, Metropolis Pharma aġent tal-prodotti Revival Rehydration.

L-avvenimenti li jmiss ta’ road running li se jorganizza l-Club se jkunu l-Malta International Challenge Marathon fi tmiem il-ġimgħa tal-24 ta’ Novembru u l-Eurosport BSJ Fleur-de-Lys Road Races fit-13 ta’ Diċembru.

Aktar tagħrif dwar dawn l-avvenimenti jinstabu fuq il-websajt tal-Klabb – https://bsj.mt/events-calendar/

Sport