Wednesday, July 9, 2025

Jesmond Marshall ikkonfermat Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni

Aqra wkoll

Waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni, Jesmond Marshall kien ikkonfermat bħala Segretarju u nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-perjodu 2025-2028.

F’diskors li għamel tal-okkażjoni, is-Segretarju Jesmond Marshall esprima s-sodisfazzjon tiegħu li f’dawn l-aħħar erba’ snin ġew imġedda bosta Ftehim Kollettivi li minnhom gawdew bosta ħaddiema filwaqt li ngħaqdu mat-Taqsima diversi kumpaniji u dipartimenti.

“Hekk kif is-sħubija fi trejd unjin hija assigurazzjoni li qiegħda hemm biex tirreferi għaliha f’każ ta’ bżonn. Dik li twassallek il-messaġġ. Ir-raġġ ta’ dawl,” saħaq Marshall.

Huwa rrefera wkoll għall-każi ta’ mard kaġun tal-asbestos u qal li t-Taqsima qiegħda tkompli taħdem biex il-ħaddiema affettwati jew familjari tagħhom jingħataw kumpens mistħoqq. L-ikbar sodisfazzjon li għandu hekk kif dawk kollha milquta jew ta’ madwarhom qed jieħdu xi ħaġa lura mill-ħsara li saritilhom.

Semma’ wkoll proposta oħra li kien ilu jisħaq fuqha u li issa qiegħda fis-seħħ, l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.

Fakkar ukoll li kienet ta’ dieqa l-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali Tony Zarb li ddeskrivieh bħala l- “mentor” tal-ħaddiema. Marshall irringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni tal-GWU tal-appoġġ kontinwu li jagħtuh, lis-Segretarji kollha u l-bqija tal-ħaddiema fil-GWU tal-għajnuna li dejjem sab mingħandhom.

Fl-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li jekk hemm don li għandu kull uffiċjal tal-GWU hi l-perseveranza. Semma kemm għerf u nies kbar, ħassieba li huma ta’ ispirazzjoni u mudell għall-ħaddiema, li ħarġu minn din il-binja, mill-General Workers’ Union. Nies li servew u għamlu ħafna ġid. Semma’ kif il-każirelatati mal-asbestos huma proprju sinjal tal-perserveranza tat-Taqsima li kompliet tissielet biex dak li kien imċaħħad lill-ħaddiema, jingħatalhom.

“Din it-Taqsima għandha għeruq u aspirazzjonijiet tal-ħaddiema li jmorru lura snin kbar. It-trasformazzjoni li rajna fit-Taqsima mmexxija mis-Segretarju Jesmond Marshall, turi l-ħeġġa li nkomplu nagħmlu l-ġid għall-ħaddiema. L-akbar sodisfazzjon huwa meta tiffirma Ftehim Kollettiv, u tara dak li se jkunu qed jibbenefikaw minnu l-ħaddiema, hi l-isbaħ ħaġa li tista’ tagħmel,” qal Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport