Thursday, December 26, 2024

Jespandi s-servizz ta’ fast-track f’każijiet suspettati ta’ kanċer

Aqra wkoll

Wara s-suċċess reġistrat tar-riferti elettroniċi mit-tobba, f’każijiet fejn ikun hemm suspett ta’ kanċer fis-sider, fil-prostata, fid-demm, fil-pulmun, fil-musrana l-kbira, fir-ras u l-għonq jew fl-Upper GI, li jwassal sabiex id-dijanjożi tal-pazjent tingħata mill-iktar fis, minn din il-ġimgħa f’din l-iskema ingħaqad ukoll id-Dipartiment tad-Dermatoloġija.

B’hekk każijiet suspettati ta’ kanċer fil-ġilda wkoll qed jiġu fast-tracked għand tim iddedikat li jara n-noti tat-tabib li jkun irrefera lill-pazjent u li jibda t-testijiet b’mod spedit sabiex id-dijanjożi tingħata fl-iqsar żmien possibbli.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar id-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Mater Dei fejn, minbarra li dar s-servizzi tal-ogħla kwalità li jingħataw f’dan id-dipartiment fuq bażi regolari, ra wkoll kif se taħdem ir-riferta elettronika tal-pazjenti li se jiġu fast-tracked f’dan id-Dipartiment.

Rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Dermatoloġija u ta’ SAMOC spjegaw kif mill-ftit ġranet li ilhom li bdew iħaddmu s-sistema elettronika, diġà ġew riferuti numru ta’ pazjenti għal testijiet ulterjuri. Id-dermatoloġista u Kap tad-Dipartiment, Michael Boffa, spjega kif din is-sistema żżid l-effiċjenza peress li tippermetti li t-tobba jinkludu ritratti tal-leżjoni fir-riferta tagħhom flimkien mal-informazzjoni neċessarja biex jiddeterminaw l-urġenza tal-każ.
Filwaqt li Danika Marmara, minn SAMOC, fakkret kif din ir-riferta tista’ tkun sottomessa kemm mit-tobba tal-kura primarja u kif ukoll mit-tobba privati, hija tat elenku tas-suċċess tal-iskema fl-aħħar erba’ snin, fejn ġew sottomessi iżjed minn elf u tlett mitt riferta għal fast-track, li minnhom kważi disgħin każ irriżulta f’kanċer.

Id-Deputat Prim Ministru rrimarka kif bl-użu ta’ iżjed sistemi teknoloġiċi, il-pazjenti jibbenefikaw minn servizz iżjed fil-pront u effiċjenti, li fil-każ tal-onkoloġija jissarraf f’ħajjiet salvati. Huwa awgura li din l-iskema tkompli tespandi għal kull tip ta’ każ suspettuż ta’ kanċer biex b’hekk il-pazjenti jibdew jirċievu l-kura mill-iktar fiss. Huwa rringrazzja liż-żewġ timijiet tal-ħidma konġunta.

Ekonomija

Sport