Sunday, December 22, 2024

Jesploraw postijiet ta’ interess f’pajjiżna, jirreġistrawhom u jxerrduhom online

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minn dejjem kont avventuruż u l-Istorja ta’ pajjiżna minn dejjem kont infittixa. L-istess huma Vince Bonello Pukka u Pierre Farrugia u b’hekk kont jien stess li avviċinajthom u minn xi ħaġa ta’ darba, illum t-tlieta flimkien induru u nirreġistraw postijiet ta’ interess madwar il-pajjiż kollu”. Hekk beda biex jgħid ma’ Talk.mt il-fotografu Angelo Caruana; li f’ħajja impenjattiva u kalendarju pjuttost mimli b’attivitajiet imħallta, darba jew darbtejn fil-ġimgħa, flimkien ma’ sħabu jżommu dan l-appuntament.

Staqsejnieh dwar il-postijiet magħżula minnhom għall-esplorazzjoni. Kollox jibda bl-għażla tal-post li jkun fil-lista tagħhom jew suġġerit minn dawk li jsegwuhom. Minn hemm tibda tfittxija biex ifittxu kull tip ta’ informazzjoni disponibbli online bħalma huma ritratti, filmati u xi kitbiet. Meta dawn ma jkunux biżżejjed, u lanqas ma jkun hemm persuni li jgħaddulhom l-informazzjoni dwar il-post, allura jerħulha għal hemm biex jesploraw.

Caruana qalilna dwar ir-riskji ta’ esplorazzjoni ta’ postijiet mhux daqstant magħrufa, iżda li huma bħala grupp isegwu numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni biex ikunu siguri fosthom billi jilbsu lbies protettiv.

“Kull avventura teħtieġ l-ilbies protettiv tagħha. Pereżempju għat-trekking trid boots tajjeb tat-trekking li ma jagħmilx ħsara lil saqajk, għall-abseiling trid harness, elmu u ingwanti minbarra ħabel tajjeb li prattikament ikollok ħajtek tiddependi fuqhom. Fl-għerien aħna dejjem ikollna mill-inqas elmu li jintlibes biex tipproteġi rasek meta tqis li ħafna minnhom qed nimxu baxx jew nitkaxkru. Investejna wkoll f’żewġ radjijiet sabiex inkunu nistgħu nikkomunikaw aħjar waqt li nkunu qed nagħmlu abseiling kif ukoll kayaking. Postijiet mudlama huwa importanti li jkollok iktar minn sors wieħed ta’ dawl sabiex jekk wieħed ifalli dejjem ikollok riżerva u ma tinqabadx hemm bla dawl”, kompla jispjega magħna Caruana. Il-fotografu jkompli li l-iktar importanti huwa li ma tinqabiżz ċertu linja biex filwaqt li jieħdu l-massimu minn kull avventura, ma jkunx hemm konsegwenzi mhux mixtieqa.

Mistoqsi dwar l-ewwel avventura li tiġih f’moħħu li kieku kellu jagħżel waħda minn fost dawk kollha li saru s’issa huwa tkellem magħna dwar dik f’Għar il-Frierfet li jinsab f’Birżebbuġa. Dan l-għar huwa magħluq b’rixtellu u mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Dan l-għar kien popolari ħafna fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. It-tlett iħbieb ikkuntattjaw lis-Sindku u lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fejn minbarra li tawhom ħafna informazzjoni dwar dan l-għar, tawhom ukoll aċċess esklussiv biex ikunu jistgħu niddokumentawh. “F’avventura li ħaditilna madwar ħames sigħatt ista’ tgħid li dorna kull toqba li sibna, ħasra li ma sibniex farfett il-lejl wieħed, jidhru li għebu minn dan l-għar, meta tqis li kien hemm kolonji sħaħ tagħhom, u proprju għalhekk ingħata dak l-isem”, qalilna Caruana.



Avventura interessanti oħra kienet il-Kumpless ta’ Taħt l-Art tas-Sit ta’ Trasmissjoni ta’ Dingli. Din id-darba talbu lill-M.A.T.S biex tagħtihom aċċess esklussiv, kif fil-fatt għamlu, iżda meta daħlu fil-post kienu sorpriżi kemm hi kbira ż-żona. Kumpless interessanti taħt ir-Radar ta’ Ħad Dingli li huwa post importanti f’Ħad-Dingli u li huwa magħluq għall-pubbliku ġenerali.  

Il-fotografu esprima s-sodisfazzjon tiegħu u ta’ sħabu li permezz ta’ dawn is-siti mhux daqstant popolari man-nies, jidħlu għall-isfida li jagħmlu dak kollu possibbli biex iwasslu lis-segwaċi tagħhom ritratti u filmati kemm jista’ jkun esklussivi tal-postijiet, li xi drabi jkunu saħansitra magħżulin skont ix-xewqat tagħhom.

“Dan nagħmluh billi nirreġistraw il-postijiet kollha li nżuru u npoġġuhom bħala vlogs fuq l-Youtube Channels  rispettivi tagħna. Huma jirreaġixxu b’mod sabiħ għall-vlogs tagħna billi jikkummentaw u jagħtuna aktar informazzjoni fuq postijiet bħal dawn, li wħud minnhom joħolqu ħafna memorji lil dawn l-individwi. Huma jissuġġerixxu wkoll postijiet ġodda biex inżuru u nesploraw u ta dan nirringrazzjawhom”, weġibna Caruana meta mistoqsi dwar fejn jistgħu jiġu segwiti dawn l-avventuri tagħhom.

Lejn tmiem l-intervista tagħna ma’ Caruana tlabnih l-opinjoni tiegħu dwar pajjiżna. Kien pront fit-tweġiba tiegħu u ddeskriva lil Malta bħala “ġawra li sfortunatament ħafna ma japprezzawhiex daqs kemm jistħoqqilha. Aħna limitati minħabba d-daqs żgħir tagħna, iżda xxurtjati biżżejjed biex inkunu nistgħu nilħqu dawn il-postijiet fi ftit minuti, xi ħaġa li barra minn Malta hija diffiċli ħafna li tagħmel. Nappella lill-pubbliku biex meta mmorru fin-natura, inżommu nadif kif sibnieh jew aħjar milli sibnieh, sabiex għall-ġenerazzjoni li jmiss nħallulhom wirt aħjar milli sibna aħna.”

Intant Caruana temm jgħid ma’ dan il-ġurnal li hemm diversi avventuri ppjanati u oħrajn li qegħdin jaħdmu fuqhom biex isiru. Dawn jeħtieġu ħafna dedikazzjoni u ħin biex iżuruhom, jiffilmjawhom, jiġi editjat il-kontenut u jkun jista’ finalment jittella’ online.

Dawk li jixtiequ jsegwuhom jistgħu jagħmlu dan minn:
https://www.youtube.com/c/AngeloCaruana

https://www.youtube.com/user/gasmlt

https://www.youtube.com/user/Pukkaphotographer

Ekonomija

Sport