Saturday, December 21, 2024

“Jett huwa tassew speċjali” – ‘The Rock’ jiltaqa’ virtwalment ma’ tifel ta’ ħames snin b’tumur aggressiv fil-moħħ

Aqra wkoll

Dwayne “The Rock” Johnson stqarr li kien tassew emozzjonat waqt laqgħa virtwali li kellu flimkien ma’ wieħed mill-ammiraturi tiegħu. Permezz ta’ FaceTime huwa ltaqa’ ma’ Jett, tfajjel ta’ ħames snin li sfortunatament għandu tumur aggressiv fil-moħħ.

Filwaqt li fl-aħħar sigħat Johnson tella’ l-filmat ta’ dan il-mument ħelu flimkien, huwa qal li għamel hekk għax xtaq li n-nies madwar id-dinja kollha jiltaqgħu ma’ dan it-tifel filwaqt li ddeskrivih bħala wieħed tassew speċjali.

Johnson, l-attur leġġendarju li m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni mhux biss għall-irwoli tiegħu iżda aktar minn hekk minħabba l-fatt li huwa magħruf ferm li dejjem jipprova jagħmel xi ħaġa speċjali għall-ammiraturi tiegħu, speċjalment dawk bi problemi ta’ saħħa, kiteb li Jett ġie dijanjostikat b’dik li tissejjaħ ‘Diffuse Intrinsic Pontine Glioma’ (DIPG), fejn spjega li dan huwa tumur aggressiv fil-moħħ.

Fisser li d-DIPG twaqqaf l-abiltà li l-persuna timxi, titkellem, titbissem u eventwalment milli tieħu n-nifs. Fil-fatt iċ-ċkejken Jett tilef il-kapaċità li jitkellem u b’hekk jagħmel sinjal b’subgħajh biex jirrispondi għall-affarijiet.

“Jett, ħabib, irrid li tkun taf li hija xi ħaġa verament sabiħa li qed niltaqa’ miegħek. Smajt ħafna dwarek, u smajt ħafna affarijiet sbieħ. Onestament, din hija l-isbaħ parti tal-ġurnata tiegħi,” qal Johnson liċ-ċkejken.

Jett kien bilqiegħda fuq is-sufan mal-membri tal-familja tiegħu meta ommu qasmet ma’ Johnson kemm hi kburija bit-tifel tagħha li minkejja kollox jibqa’ jikkumbatti. 

Viżibilment emozzjonat, Johnson qalilha: “Ibnek huwa tassew speċjali.” 

L-attur qal li jitkellem ma’ ħafna tfal u adulti li qed jiġġieldu għal ħajjithom iżda li dak il-mument li ltaqa’ virtwalment ma’ Jett ħalla impatt kbir fuqu.

Johnson qal li Jett iħares lejh bħala “supereroj.” Iżda l-attur qal li jemmen li Jett huwa ħafna aktar b’saħħtu u kuraġġuż milli qatt jista’ jkun huwa nnifsu.

Ekonomija

Sport