Friday, December 27, 2024

Jgħid li d-dimonju kien itih struzzjonijiet x’għandu jagħmel

Raġel jibda għaddej ġuri mixli bi stupru ta' mara vunerabbli

Aqra wkoll

Raġel ta’ 22 sena llum beda għaddej ġuri akkużat bl-istupru ta’ mara vulnerabbli, li tiġi omm l-eks sieħba tiegħu, u ġiegħel lilha u lil bintha biex iwettqu atti ta’ natura sesswali kontra r-rieda tagħhom.

Il-ġuri, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qed isir mingħajr ġurati. L-allegat każ imur lura għall-2019, u allegatament seħħ f’residenza f’Wied il-Għajn fejn l-akkużat kien joqgħod mat-tfajla tiegħu, oħtha u ommha.

Ir-raġel qed ikun akkużat wkoll li żamm lill-allegati vittmi kontra r-rieda tagħhom, li kkaġuna lil oħt it-tfajla tiegħu u lil ommha biża’ li se tintuża vjolenza fuqhom, u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Fost dawk li xehdu llum kien hemm waħda mill-allegati vittmi, oħt l-eks sieħba tal-akkużat, li hi studenta u llum il-ġurnata għandha 24 sena. Qalet li fil-bidu ta’ Frar tal-2019 kienet għamlet rapport l-Għassa ta’ Wied il-Għajn, fejn marret ma’ żewġ social workers.

Qalet li dak iż-żmien kienet tgħix fid-dar tal-ġenituri tagħha. Fid-dar kien hemm ommha, oħtha li hi ħames snin iżgħar minnha, u l-akkużat, li dak iż-żmien kien is-sieħb t’oħtha. Qalet li missierha kien jgħix man-nanniet tagħha.

Qalet li fix-xhur ta’ qabel oħtha u missierha kienu jgħidulha li kienu jismgħu xi ilħna d-dar. Darba fost oħrajn, oħtha xtaqitha tmur id-dar biex turiha ż-żewġt iklieb li kienu ġabu. Dan kien lejn l-aħħar tal-2018.

“Dakinhar mort inżur lil ommu u lil oħti. Mort nitkellem m’ommi fil-kamra ta’ isfel waqt li l-akkużat u oħti kienu fuq. F’daqqa waħda nisma’ vuċi tgħid ‘tpejjipx’ lil ommi. Il-leħen kien jixbaħ lil dak tal-akkużat li pprova jagħmel vuċi li jbeżża’. Saqsejt lil ommi jekk il-leħen kienx tal-akkużat iżda ommi qaltli li ma kinitx tiegħu, tixbaħha, però kien id-dimonju,” qalet ix-xhud.

Hija tgħid li dak il-ħin ħassitha mbeżża’ u riedet titlaq. Meta ġiet biex toħroġ mid-dar sabet li ċ-ċwievet tal-bieb prinċipali ma kinux hemm u vuċi li tgħid “inti trid torqod hawn.”

“Il-vuċi qaltli li jekk nitlaq, id-dimonju kien se joqtol lin-nanniet tiegħi. Ġejt sfurzata biex nibqa’ ġewwa d-dar. Dan il-vuċi ordnali sabiex nitla’ fuq u ninħasel ma’ oħti. Għalhekk mort ninħasel m’oħti però kont mgħaġġla għax kont qed nibża’ ħafna. Kulħadd beda jibża’.

“Oħti qaltli biex immur fil-kamra tagħha u biex insakkar il-bieb għax id-dimonju ma jidħolx mill-bibien imsakkrin. Ħin minnhom naf li ntefgħet is-salvavita u spiċċajna bla dawl. Bdejt nisma s-skieken jissinnu barra l-bieb tal-kamra. Il-vuċi beda jordnali biex niftaħ il-bieb inkella kont se nweġġa’,” qalet ix-xhud.

“F’daqqa u l-ħin smajt is-skieken jaqgħu mal-art u l-akkużat fetaħ il-bieb u jidħol jiġri fil-kamra. Insejt x’kien qal però kien qal xi ħaġa li grazzi għalih ġejna salvati mill-aġir tad-dimonju. Il-vuċi kienet ordnatli biex niftaħ il-bieb u għalhekk ftaħtu jien.”

Ix-xhud tgħid li l-vuċi kienet ordnatilha biex tmur fis-salott u kellha tixrob madwar ħames tazzi whiskey. Qal li kien diffiċli għaliha għax dak iż-żmien ma kinitx tixrob xorb alkoħoliku.

“Niftakar li kont fis-sakra fi żmien qasir. Wara kont intlift minn sensija u ma niftakarx x’ġara aktar dakinhar. Lanqas niftakarni mmur norqod. L-għada naf li qomt liebsa l-ħwejjeġ t’ommi u kont mingħajr qalziet ta’ taħt. Oħti qaltli li kemm hi kif ukoll l-akkużat kienu ħasluha. Dan peress li qalu li kont qed nirremetti kullimkien.”

Mistoqsija meta kienet tinstema’ l-vuċi min kien ikun preżenti fid-dar, hija qalet li kien ikun hemm hi, ommha, oħtha u l-akkużat. Qalet li din “il-vuċi’ kienet tordnalha wkoll biex tnaddaf id-dar u ma toħroġx bla permess.

“Konna niġu ordnati biex nitfu d-dawl, nimteddu fuq is-sodda wiċċna ‘l isfel u ngħattu rasna bi mħadda sabiex b’hekk ma nkunux nistgħu naraw. Niftakar li konna niġu msawta bi frosta. Dak iż-żmien l-akkużat kien xtara frosta u qal li kien xtraha għall-klieb,” tenniet ix-xhud.

Hija allegat li kienet tiġi msawta, l-aktar fil-parti ta’ isfel ta’ ġisimha, iżda l-aktar li sofriet swat kienet ommha. “Fuq saqajja jew fuq il-partijiet ta’ wara kien ikolli l-marki tas-swat. Ngħid li ommi kienet miksija b’dawn il-marki, fuq ġisimha kollu.”

“Jiena kont niġi mhedda diversi drabi kuljum. Mhux dejjem bis-swat. Ġieli ma kontx nitħalla noħroġ jew immur l-iskola. Il-vuċi kienet tgħid li r-relazzjoni ta’ bejni u bejn l-għarus tiegħi kien ħa jitterminaha. Darba minnhom niftakar li hedded li se jaqtagħli l-parti t’isfel ta’ saqajja,” qalet ix-xhud.

“Meta l-leħen kien jordna xi ħaġa kollha konna nisimgħuha. Konna nisimgħu l-vuċi biss meta l-akkużat kien maġenbna jew meta nkunu isfel u l-akkużat ikun fuq konna nisimgħu l-vuċi ġejja minn ħdejn l-indana tat-taraġ.”

Ix-xhud qalet li ommha kienet mentalment dgħajfa, kienet tbati minn dipressjoni severa u kienet faċilment tiġi manipulata. “Ngħid li fil-fatt ommi kienet l-akbar vittma fostna. Għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova tgħinna.”
Hija qalet ukoll li darba fost l-oħrajn il-leħen ordnalha biex tieħu lill-għarus tagħha d-dar sabiex jagħmlu s-sess flimkien. Tgħid li ma xtaqitx tagħmel dan għax bilkemm kienet għadha tafu.

Irrakkontat ukoll episodju fejn semgħet vuċi tgħidilha biex hi u ommha jinżgħu għarwenin. “Il-vuċi kienet ġejja mid-direzzjoni ta’ fejn kien mindud l-akkużat.

Wara li neħħejna l-ħwejjeġ jien u ommi konna ordnati sabiex naqsmu l-istejjer sesswali ta’ bejnietna. Kellna nagħmlu dan,” qalet ix-xhud.

Tgħid ukoll li hi u ommha kienu ordnati biex jimteddu mal-art u l-vuċi nstemgħet tgħidilhom biex jirreċtaw l-att tal-indiema. “Baqa’ jgħidilna nirrepetu din it-talba diversi drabi. F’punt minnom bdejna nħossu ħafna ilma jintefa’ fuqna.”
Hija ssemmi okkażjoni oħra fejn ommha kienet ordnata biex tinża’ l-ħwejjeġ u allegatament timtedd fuq l-iskrivanija. Qalet li l-akkużat kien qalilha li qed jirċievi l-ordnijiet mid-dimonju u allegatament qalilha biex iddaħħal xkupa fil-parti ġenitali ta’ ommha. Hija tgħid li bdiet tirrifjuta milli tagħmel dan u f’ħin minnhom allegatament intervjena wkoll l-akkużat.

Mistoqsija kif saret taf li l-vuċi kienet tal-akkużat u mhux ta’ spirtu, ix-xhud qalet li “l-vuċi kienet tixbaħ lil tiegħu u li din bdiet ġejja mid-direzzjoni fejn kien ikun l-akkużat. Huwa kien iħares lejn direzzjoni oħra u b’ħalqu mgħotti. Darba minnhom ma kienx qed iħares lejna iżda kont nara r-riflessjoni tiegħu fil-mera.

Stajt nara xufftejh jiaċċaqilqu waqt li nisma l-vuċi. Apparti hekk, meta l-akkużat ma kienx ikun id-dar, ma kien jiġri assolutament xejn.”

Il-ġuri jkompli għada.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnett u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat qed ikun assistit mill-Avukat Mario Mifsud. L-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher parte civile.

Ekonomija

Sport