Friday, December 27, 2024

Jgħid li seraq ħwejjeġ għax kien qed iħoss il-bard

… Fil-Qorti jammetti wkoll li seraq apparat elettroniku

Aqra wkoll

Raġel li qed ifittex l-ażil f’pajjiżna ntbagħat il-ħabs wara li ammetta li seraq diversi oġġetti fuq perjodu ta’ tlitt ijiem.

Alataya Abdelazim Omer Ibrahim, Sudaniż ta’ 23 sena residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, wieġeb ħati li seraq iPhone u Bluetooth Speaker minn ristorant fil-Belt Valletta. Huwa ammetta wkoll li seraq ħwejjeġ minn żewġt iħwienet f’Tas-Sliema.

Ibrahim kien identifikat minn filmati tas-CCTV mir-ristorant iżda l-identità tiegħu għall-ewwel ma kinitx magħrufa. Huwa iżda kien arrestat wara li sid ir-restorant lemħu f’Tas-Sliema, bil-ħwejjeġ li nstabu fil-pussess tiegħu rriżulta li kienu misruqa.

Ir-raġel tressaq il-Qorti fejn ammetta li seraq apparat elettroniku u ħwejjeġ fost oħrajn. Huwa nsista mal-Pulizija li kien seraq il-ħwejjeġ għaliex kien qed iħoss il-bard u ma kellux saqaf fuq rasu. 

Assistit minn interpretu u avukat tal-għajnuna legali, l-imputat irreġistra ammissjoni, bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor George Axiak, sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu tmien xhur priġunerija effettivi. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Gabriel Micallef u Daryl Borg. 

L-Avukat Martin Fenech deher għal Ibrahim.

Ekonomija

Sport