Saturday, December 21, 2024

Jgħidulna huma?

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Għedtha. Nerġa’ ngħidha. Jien wieħed minn dawk li mhumiex jieħdu gost b’kif donna qisna qed niżfnu ż-żifna li jżeffnuna minn barra dwar bidliet jew le fil-liġijiet u fil-kostituzzjoni tagħna. Bħala ċittadin ta’ pajjiż indipendenti, ma nġerraħx il-fatt li donna qegħdin nitolbu l-permess tal-barranin għall-bidliet li rridu nagħmlu billi nfittxu l-prosit tagħhom.

Nammettu li saru żbalji fit-tmexxija ta’ korpi ewlenin? Iva. F’liema pajjiż ma sarux żbalji? Naraw kif se ntejbu r-regoli tat-tmexxija interna tagħna biex inqarrbuhom kemm nistgħu lejn l-ogħla normi tad-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem? Iva wkoll… Anke li nieħdu pariri barranin minn barra dwar hekk – għaliex le?

Imma l-biċċa li nispiċċaw qisna rridu nġibu s-sinjur-si tal-Kunsill tal-Ewropa jew xi kumitati tiegħu u li rridu nidħlu preċiż preċiż f’dak li jgħidulna nagħmlu, qisna tfal fi skola primarja, tkiddni wisq. 

***

Maskri

Aktar minn fi żmien il-Karnival, dan hu żmien il-maskri.

Hemm il-maskri li qed ikollna ntellgħu ma’ wiċċna – biex immorru nixtru mill-ħwienet, biex nimxu fit-toroq… u mhux f’Malta biss. F’pajjiżi Ewropej fejn sa ftit ilu, kienu qed iġegħlu lin-nisa Musulmani jneħħu l-għata minn ma’ wiċċhom, issa qed jinsistu biex kulħadd joħroġ bil-maskra.

Biss hemm ukoll il-maskri li qed jaqgħu mill-uċuh.

Sa ftit taż-żmien ilu fostna kien hemm min jiddandan bħala difensur tad-demokrazija u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew l-abbuż tal-poter: hekk, għax jemmen f’ideal! (Fis-snin ta’ qabel, fi żmien gvernijiet tal-PN, kien baqa’ trux u mutu…) Issa, li waslet l-għażla ta’ meta l-miżuri tal-prudenza kontra l-corona virus iridu jiġu maħlula, l-istess nies kollha tarahom jaqbżu n-naħa l-oħra minn fejn iddeċieda l-gvern.

Anke suġġett ta’ interess nazzjonali vitali, li ma jorbotx mal-politika, raw kif jippolarizzawh politikament.

***

L-inkwiet

Nifhem l-inkwiet ta’ dawk li jmexxu u jieħdu sehem fl-attivitajiet sportivi quddiem il-fatt li l-kompetizzjonijiet annwali li huma parti minn ħajjithom se jinqatgħu hesrem. Fuq dal-fatt imbagħad titrikkeb l-esiġenza li trid tittieħed deċiżjoni dwar min se jkun “rebaħ” kampjonat jew ieħor.

Hi ħaġa ċara li f’każ hekk, se jqumu s-sentimenti ta’ rabja, qtigħ ta’ qalb, sfida, dwejjaq kontra dak li jinħass bħala inġustizzja. U fil-borma ta’ inkwiet, ikun hemm ukoll kalkoli moħbija, ta’ min ikun deffes mal-bigħa spekulazzjonijiet finanzjarji, kemm leġittimi, kemm le.

Mhux faċli tasal għal deċiżjonijiet li jkunu ċari u aċċettabbli għal kulħadd fil-milja tal-interessi kollha miġbura. Għalhekk ukoll nistħajjel li dawk responsabbli raw kif iġebbdu kemm setgħu qabel jaslu għal deċiżjoni. Imma issa, iż-żmien beda jagħfas.

Ekonomija

Sport