Friday, December 13, 2024

Jhedded li jispara fuq bintu u żewġt itfal oħra wara argument ma’ martu

Aqra wkoll

… iwieġeb mhux ħati u jinżamm arrestat

Raġel ta’ 37 sena tressaq il-Qorti mixli li l-Ħadd li għadda hedded li se jispara fuq tliet minuri, b’waħda minnhom tkun bintu ta’ 10 snin, wara argument ma’ martu. 

Huwa kien mixli li żamm lil bintu ta’ 10 snin, lil tifla oħra li hija fostered minnu ta’ 15-il sena u l-ħabiba tagħha ta’ 15-il sena, kontra l-volontà tagħhom fir-residenza tagħhom fil-Għargħur. 

Ir-raġel kien mixli li darab ħafif lil bintu fostered, li kellu arma fil-pussess tiegħu, li naqas milli jassigura li l-arma u l-munizzjoni ma jiġux f’idejn ħaddieħor.

L-Ispettur John Spiteri spjega fil-Qorti kif il-pulizija mill-Għassa tan-Naxxar irċevew rapport dwar argument li eskala u li kienet se tintuża arma tan-nar. Il-Pulizija marru fuq il-post u hemm sabu lill-akkużat u lit-tliet minuri. 

Intqal ukoll li r-raġel għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni minn mal-mara u kien keċċieha mid-dar iżda mbagħad ċemplilha biex tmur lura iżda hi ma marritx. 

L-Ispettur qal li meta ra hekk, l-imputat beda allegatament jhedded li se jispara lit-tfal u mbagħad jispara lilu nnifsu. Qal li t-tfal kienu mwerwrin u waħda minnhom irrekordjat kollox li kien għaddej. 

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja tar-reati u li għad iridu jixhdu fost l-oħrajn il-minuri. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qieset li l-akkużat huwa vulnerabbli, għaddej minn kura psikjatrika u ma setgħetx tinjora l-fatt li sakemm jixhdu l-familjari tiegħu stess, inkluż il-minuri, jista’ jkun hemm intralċ ta’ provi. 

Kien għalhekk li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda poġġietu taħt ordni ta’ trattament biex jindirizza l-problemi li għandu minn issa. 

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għar-raġel. L-Avukat Jason Azzopardi deher għall-allegati vittmi.

Ekonomija

Sport